April xemxi, sħun u xott

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Uffiċċju Meteorolġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li x-xahar ta’ April kien aktar xemxi, sħun u xott minn dak mistenni f’dan ix-xahar tas-sena.

Temperatura aktar sħuna

L-inqas temperatura mkejjla f’dan ix-xahar kienet ta’ 9.7°C u li ġiet irrekordjata fi tliet ijiem differenti. Dan filwaqt li l-ogħla temperatura  25.6°C li ntlaħaq fit-28 ta’ April. It-temperatura medja kienet ta’ 16.7°C, jiġifieri 0.6°C ogħla min-norma klimatika għal April imkejla fuq perjodu ta’ 30 sena.

Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja tal-baħar kienet 1.1°C ogħla min-norma klimatika ta’ 16.1°C.

Aktar xemx mis-soltu

L-Uffiċċju Meteorolġiku qal li April kien imdawwal b’253.3 siegħa ta’ xemx, jiġifieri kważi ħames sigħat aktar milli mistenni. Il-ġranet tax-xahar ta’ April gawdew minn medja ta’ 8.4 sigħat ta’ xemx kuljum, bit-30 ta’ April ikun l-aktar jum xemxi li matulu x-xemx ħarġet għal 12.9- il siegħa. Min-naħa l-oħra, fit-tielet jum ta’ April ix-xemx ma ħarġet xejn. F’dan l-istess jum tkejlet ukoll l-aktar buffura riħ qawwija għal April, li kienet qed tonfoħ b’veloċità ta’ 31 knots mid-direzzjoni tat-Tramuntana kwarta Grigal.

Anqas riħ u l-ebda maltempata

B’mod ġenerali, ix-xahar kien anqas mirjieħ milli mistenni bil-veloċità medja tar-riħ tkun ta’ 8.4 knots meta mqabbla man-norma ta’ 9.5 knots. Ir-raba’ jum ta’ April kien dak li fih tkejjel l-ogħla ammont ta’ xita, jiġifieri 17mm. Ix-xita totali li niżlet tul April ammontat għal 18mm, jiġfieri 2.8mm anqas mit-total mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. Filwaqt li f’April ġeneralment jiġu rrappurtati żewġ maltempati bir-ragħad, f’April li għadda ma ġewx irrappurtati tali maltempati.