Approvati miżuri sabiex Dieselgate ma jerġax itenni ruħu

Ġew approvati fil-Parlament miżuri konkreti sabiex l-iskandlu tad-Dieselgate ma jerġax jirrepeti ruħu, u biex ikun hemm kumpens xieraq għal dawk il-konsumaturi Ewropej li kienu ġew affettwati minnu.
L-iskandlu ‘Dieselgate ra l-kumpanija Ġermaniża Volkswagen tammetti li intenzjonalment immanifatturat karozzi li attivaw il-kontrolli ta’ emissjonijiet biss waqt l-ittestjar fil-laboratorju. B’hekk meta dal-karozzi jkunu fit-triq, iħammġu wisq aktar minn kemm ikunu ġew irrikordjati fil-laboratorju.
Il-voti ttieħdu wara li ġie diskuss ir-rapport finali tal-Kumitat t’Inkjesta fuq l-emissjonijiet tal-vetturi (EMIS), kif ukoll il-leġislazzjoni magħrufa bħala Type Approval li tarmonizza r-regolamenti fuq vetturi li huma approvati fl-Unjoni Ewropea.
L-Ewroparlamentari Miriam Dalli, li hi l-kelliema ewlenija tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq din il-leġislazzjoni fil-Kumitat tal-Ambjent, qalet fi stqarrija li r-rapport tal-EMIS wera biċ-ċar li l-iskandlu seta’ ġie evitat kieku l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea aġixxew skont il-kapaiċitajiet tagħhom.
Sostniet li ġew imbuttati miżuri li jwasslu għal sorveljanza akbar, sabiex anki l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini jkunu protetti. Temmet tgħid li din ir-riforma li għaddiet illum kienet meħtieġa b’mod urġenti biex tneħħi darba għal dejjem lakuni legali li kienu jmorru kontra l-iskop tal-istess liġi.