​Approvati l-emendi tal-Gvern għal-liġi tal-IVF

Il-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi approva emendi imressqa mill-Gvern għal-liġi tal-IVF.
Fil-bidu tas-seduta, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ressaq emenda għat-tifsira tal-embrijuni u l-ġenituri prospettivi. Dwar dan tal-aħħar, il-Ministru qal li l-Gvern mhux se jaċċetta ebda diskriminazzjoni dwar orjentazzjoni sesswali. Hu sostna li l-emendi li qed iressaq il-Gvern huma riżultat tad-diskussjoni fil-pajjiż li saret fl-aħħar xahrejn.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni tifhem u taċċetta li hawn forom differenti ta' familji, mhux aċċettabbli l-gvern jippromwovi l-prinċipju li tarbija titwieled barra xi tipi ta’ unjoni familjari. B’hekk il-Gvern qed idaħħal il-kunċett ta’ persuna waħda li trabbi tarbija. Għalhekk Claudio Grech ippropona li ġenitur prospettiv ikun definit bħala koppja li hi marbuta f’rabta ta’ żwieġ, unjoni ċivili jew relazzjoni stabbili. Hu kompla jgħid li jekk il-Gvern jaqbel ma’ din il-proposta, jista’ jkun hemm bqil bejn il-Gvern u l-Opożizzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Ministru qal li l-Gvern għandu l-emendi tiegħu u se jibqa’ jiddefendihom.
Dwar id-donazzjoni tal-embrijuni, Claudio Grech qal li donazzjoni lanqas biss tirreferi għal addozzjoni u għalhekk l-Oppożizzjoni qed tipproponi li titħassar it-tifsira ta’ donazzjoni ta’ embrijun. Il-Gvern qed idaħħal definizzjoni ġdida ta’ prokreazzjoni assistita b’mod mediku.
Id-deputat Prim Ministru qal li l-prinċipji tal-Gvern huma msejsa fuq punti ċari li għandu jkun offrut l-aqwa servizz mediku lil kull min hemm bżonn.
Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari pparteċipaw ukoll membri tas-soċjetà ċivili u għaqdiet oħra.
Ir-rappreżentant ta’ Doctors for Life Dr Josè Mamo qal li huma jixtiequ li jkun hemm il-garanziji fil-Kodiċi Ċivili għaliex m’għandux ikun hemm differenzi fl-addozzjonijiet bejn tfal u embrijuni.
Gabriella Calleja, mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma qablitx ma’ dan u qalet li l-kundizzjonijiet għall-addozzjoni tal-embrijunji m’għandhomx isegwu l-istess proċeduri bħal dawk tat-tfal għaliex hemm distinzjoni bejn embrijun u tifel li diġà twieled.
Dr. Miriam Sciberras, mill-Life Network Foundation, qalet li l-mara m’għandhiex issir oġġett għax fil-liġi qed tintuża l-kelma riċevitur. Dr. Miriam Sciberras staqsiet fejn se jinżammu l-embrijuni u x’garanziji se jkun hemm dwarhom minħabba li dawn se jinżammu wkoll fil-privat.
Simone Attard, id-Direttur tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni  qalet li barra minn Malta, il-koppja tista’ tagħżel x’tixtieq li taddotta. Fil-bank tad-donaturi jkun hemm l-informazzjoni dwar minn fejn inħoloq l-embrijun u jsir tqabbil mal-koppja.
Iċ-Ċerpersin Stefan Zrinzo Azzopardi ressaq l-emendi tal-Oppożizzjoni li m’għaddewx, b’erba’ voti kontra u tliet voti favur. L-emendi tal-Gvern għaddew b’erba’ voti favur u tlieta kontra.