Approvati fondi Ewropej kontra l-coronavirus

Il-Parlament Ewropew b’miżuri ta’ appoġġ

Il-Parlament Ewropew approva miżuri ġodda li permezz tagħhom se jkunu ta’ appoġġ għaċ-ċittadini Ewropej f’dawn il-mumenti ta’ kriżi. Din is-seduta saret għall-ewwel darba b’mod remot permezz tal-internet.

Fost dawn il-miżuri, l-Parlament Ewropew approva €37 biljun biex jaslu għand iċ-ċittadini, ir-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-fondi ser jingħataw lis-servizzi tal-kura tas-saħħa, lill-SMEs, is-suq tal-impjiegi u partijiet vulnerabbli tal-ekonomiji tal-istati membri. Il-proposta ġiet adottata b’ 683 vot favur, 1 kontra u 4 astensjonijiet.

Apparti din il-miżura ġew approvati wkoll żewġ proposti urġenti fis-sessjoni plenarja straordinarja li saret ilbieraħ.

L-estensjoni tal-Fond ta’ Solidarjeta tal-UE biex ikunu koperti emerġenzi ta’ saħħa pubblika.

Il-miżuri ser iwasslu 800 miljun euro lill-istati membri fl-2020.  L-operazzjonijiet eliġibbli ser jiġu estiżi biex ikopru l-appoġġ f’emerġenza maġġuri ta’ saħħa pubblika, inkluża l-għajnuna medika, kif ukoll miżuri biex tiġi mwaqqfa, monitorata jew ikkontrollata l-firxa tal-mard.  Il-proposta ġiet adottata b’ 671 vot favur, 3 kontra u 14-il astensjoni.

Is-sospensjoni temporanja tar-regoli tal-UE dwar is-slots fl-ajruporti.

Dan ser jagħmel li l-kumpaniji tal-ajru ma jibqgħux joperaw titjiriet vojta matul il-pandemija.  Is-sospensjoni temporanja tfisser li l-kumpaniji tal-ajru ma jkunux obbligati jużaw is-slots allokati lilhom biex iżommuhom fl-istaġun li jmiss.  Din is-sospensjoni tibda tapplika fid-29 ta’ Marzu u tintemm fl-24 ta’ Ottubru 2020. Il-proposta ġiet adottata b’ 686 vot favur, ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

Il-miżuri urġenti biex jgħinu lin-nies u n-negozji jaffrontaw il-kriżi ġew adottati kważi unanimament anqas minn ġimgħatejn wara li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti.

X’inhu l-passi li jmiss?

Il-Kunsill issa jeħtieġ li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament. Il-miżuri adottati ser jidħlu fis-seħħ ladarba jkunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-jiem li ġejjin.