Approvati €20 miljun għal Erasmus+ mill-PE

Ġew approvati €20 miljun għal Erasmus+. Dawn apparti mit-€80 miljun għal Horizon 2020.

Membri Parlamentari Ewropej approvaw dawn il-fondi għaż-żgħażagħ u għall-proġett ta’ riċerka fl-Unjoni Ewropea (UE).

Il-programm Erasmus+ jinkludi edukazzjoni formali u informali, taħriġ u programmi taż-żgħażagħ u sport. Dawn jinkludu baġits separati għall-programm Erasmus, programm biex nies Ewropej, fosthom eluf ta’ Maltin, ikunu jistgħu jistudjaw f’pajjiż ieħor. Dawn il-flus addizzjonali se jgħinu wkoll biex jinbnew Universitajiet Ewropej.

Horizon 2020 huwa l-akbar proġett ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-proġett iwiegħed li se jkun hemm iżjed suċċessi u skoperti xjentifiċi. Il-flus se jikkontribwixxu għall-mira li jiġi allokat 35 % tal-baġit ta’ Horizon 2020 għar-riċerka relatata mal-klima.