Approvati Business Park għal Farsons u villaġġ għal persuni b’abbiltajiet differenti

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat li Farsons jibni Business Park fl-Imrieħel wara li qalet li kienet sodisfatta bil-masterplan ġdid li ppreżentatilha l-kumpanija.
Il-Bord tal-PA approva unanimament dan il-pjan.
Ix-xahar l-ieħor l-istess awtorità kienet irrifjutat  l-applikazzjoni tal-kumpanija Farsons biex tibni ċentru kummerċjali fi Triq l-Imdina fl-Imrieħel, u dan anki wara li d-Direttorat tal-Ippjanar kien irrakkomanda li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha toħroġ il-permess iżda dakinhar il-bord kien ivvota kontra.
Dakinhar il-PA ħasset li kellha tiċċara għaliex ma ħarġitx il-permess, u spjegat li l-applikazzjoni ma kinitx skont il-policies.
Spjegat kif fl-ewwel laqgħa, il-membri tal-Bord urew it-tħassib tagħhom li l-applikazzjoni ma kinitx skont il-policies u qalet li għal dan it-tħassib, Farsons kienet iddeċidiet li twaqqa' l-applikazzjoni biex tippreżenta masterplan.
Il-masterplan ġie ppreżentat illum, u ġie aċċettat.
Skont il-PA, il-proġett fih 7 blokok ta’ uffiċini b’5 sulari ’l wieħed bi spazju bejn kull wieħed għal bitħa, rinnovar tal-faċċata tal-impjant tal-birrerija, u parkeġġ fuq in-naħa ta’ wara tal-Business Park li fuq il-livell ta’ fuq se jkollu aktar uffiċini.
Approvat il-bini ta' kumpless komprensiv għall-persuni b'abbiltajiet differenti
F'każ separat, il-bord approva wkoll il-bini ta’ kumpless komprensiv biex itejjeb il-ħajja ta’ persuni b’abbiltajiet differenti, liema kumpless jinsab qrib it-Trade Fair tan-Naxxar, u fih 4 blokok b’parkeġġ taħthom u spazju miftuħ kbir quddiemhom.
F’dal-kumpless wieħed se jkun jista’ jsib residenzi, ħwienet, uffiċini, postijiet ta’ ħidma, hostel, gym u faċilità għat-terapija.
L-għan hu li jkun hawn villaġġ żgħir fejn fih il-persuni b’abbiltajiet differenti jkunu jaċċessaw kull tiġp ta' servizz.
Fir-ritratt: il-kumpless għal persuni b'abbiltajiet differenti fin-Naxxar