Approvat bini ta’ 12-il sular fi Smart City; “tpartit tal-art favur l-iżviluppatur”

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-kostruzzjoni ta’ żvilupp residenzjali ta’ 12-il sular fi Smart City, li ġie deskritt minn rappreżentanta ta’ NGO fuq il-bord bħala “tpartit” tal-art favur l-iżviluppatur.

Il-proġett li se jkun qed ikopri 14,000 metru kwadru jikkonsisti f’400 appartament, kif ukoll spazji kummerċjali għal ħwienet, bars u restoranti. Il-proġett ġie approvat b’10 voti favur u wieħed kontra. Dan l-iżvilupp ilu jaffaċċja kritika u mistoqsijiet dwar l-impatt u l-metodi li qed jintużaw biex jinbidel il-masterplan ta’ Smart City.

L-unika membru tal-bord li vvutat kontra dan l-iżvilupp kienet Annick Bonello, rappreżentanta ta’ NGO li sostniet li proġett bħal dan mhux aċċettabbli.

Qed jiġi stmat li dan il-proġett se jwassal għall-iżvilupp ta’ miljun metru kubiku ta’ skart tal-kostruzzjoni. Intant Edwin Mintoff, l-arkitett tal-proġett qal li se jsir riċiklar ta’ dan l-istess skart tal-kostruzzjoni.

Fi stqarrija l-PA ħabbret id-deċiżjoni tagħha dwar il-proġett fil-Kalkara u sostniet li l-proġett se jinkludi fih parkeġġ li jakkomoda 800 karozza, kumpless kummerċjali bil-faċċata tiegħu taffaċċja l-Laguna Walk, plaza għar-residenti elevata b’pixxina komuni, fost oħrajn.

Spjegat kif minkejja li l-iżvilupp propost huwa akbar minn dak li japprova l-permess, Smart City Malta qablet li se tnaqqas l-eċċess minn żewġ blokok approvati mill-masterplan. Dawn se jnaqqsu l-viżibilità ta’ Smart City mill-Belt Valletta.

Il-PA tirrifjuta żvilupp fil-ġnien tal-Palazz Ġiannin f’Ħal Għaxaq

Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar b’mod unanimu ma approvatx l-applikazzjoni għal żvilupp fil-Palazz Ġiannin li huwa post protett sabiex ma jitlifx il-valur tal-wirt tiegħu. Il-proġett kien qed jipproponi l-iskavar għal garaxxijiet taħt l-art, il-kostruzzjoni ta’ 27 post residenzjali u r-restawr taż-żona mhux mittiefsa li jifdal mill-ġnien.