Approvati 97 talba biex jinqalgħu s-siġar, 2 miċħuda – PD

RIP Tree

Read in English.

Matul l-aħħar sentejn ġew approvati 97 talba biex jinqalgħu s-siġar u kienu miċħuda tnejn biss. Dan joħroġ f’mistoqsija parlamentari li l-Partit Demokratiku (PD) għamel fil-Kumitat Permanenti tal-Ambjent u Pjanar u l-Iżvilupp.

Skont il-PD il-kwistjoni tas-siġar saret urġenti għax jidher li qed titkompla t-tendenza li jinqalgħu aktar siġar biex jitwessgħu t-toroq mingħajr ma tkun solvuta l-problema tat-traffiku fuq perjodu ta’ żmien fit-tul. Il-PD saħaq fl-importanza li jsir aktar investiment fis-sistema tat-trasport pubbliku.

Il-PD talab biex ikunu riveduti l-politiki preżenti kif ukoll ir-regoli li jsegwu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u d-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Pjanti biex jiżguraw protezzjoni effettiva għas-siġar.

Fid-dawl tal-proġett tas-Centre Link bejn ir-Rabat u Ħ’Attard, id-deputat Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi staqsa formalment lill-istess Kumitat tal-Parlament biex din il-kwistjoni tkun diskussa fid-dettall.

Azzopardi kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li s-suġġett ġie approvat u se jiġi diskuss f’laqgħa li se ssir fit-2 ta’ Lulju li ġej.