Approvati 610 appartamenti qalb l-iżvilupp f’Manoel Island

Steve Zammit Lupi

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat mill-ġdid il-permess tal-iżvilupp li se jseħħ f’Manoel Island. 13-il membru tal-bord ivvota favur inkluż rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni kif ukoll is-Sindku tal-Gżira. Ir-rappreżentant tal-għaqdiet ivvota kontra minħabba raġunijiet ambjentali.

Il-permess approvat illum qed jemenda dak li kien ġie approvat fl-1999 u bih se jkunu qed jinbnew 610 appartamenti.

F’Diċembru, deċiżjoni tal-istess bord kienet ġiet posposta minħabba li l-bord talab aktar informazzjoni dwar l-ogħli tal-bini u d-differenzi mill-pjanijiet oriġinali.

AQRA: Il-verdett dwar Manoel Island nhar il-Ħamis

Il-pjanijiet jinkludu kumpless residenzjali u kummerċjali li jinkludi 610 appartament, lukanda f’Lazaretto, ħwienet kummerċjali, yacht marina u plazas.

Il-Fort Manoel se tiġi restawrata b’parks ġodda u żoni għall-familja mistennija jdawwru din il-fortizza. Dan wara li l-iżviluppaturi waqgħu il-pjanijiet tagħhom li flok il-forti jibnu lukanda.

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma li 8,000 metru kwadru ta’ spazju għall-iżvilupp se jiġu ttrasferiti għal Tigne filwaqt li mhi se tkun permessa l-ebda żieda fl-ispazju tal-bini f’Manoel Island.

Proġett kontroversjali

Il-proġett ma kienx wieħed nieqes mill-kontroversja hekk kif il-Kamp Emerġenża Ambjent kien fetħu l-grada li kienet qed timblokka l-aċċess ta’ Manoel Island għall-pubbliku. Kien wara li ntlaħaq ftehim, liema ftehim il-Moviment Graffitti kien stqarr li xorta mhux kuntent bih minħabba li parti minn Manoel Island xorta se tiġi żviluppata.

F’Novembru l-kumpanija MIDI p.l.c. kienet ċaħdet li l-bidliet proposti fil-Master Plan mhumiex se jaffettwaw l-għoli tal-bini u lanqas se jiġi kkunsidrat tibdil biex tiġi żviluppata xi żona ġdida ta’ bini.

AQRA: Il-MIDI tiċħad li se jogħlew il-binijiet f’Manoel Island