​“Approvati 5 proġetti tal-kannabis medika f’Malta” – Ministru Cardona

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li l-Malta Enterprise diġà approvat ħames proġetti fil-qasam tal-kannabis għall-użu mediċinali li bejniethom mistennija jinvestu mat-€30 miljun f’Malta.
Qal li dawn il-proġetti se joħolqu 185 impjieg, hekk kif Malta tinstab pass ’il bogħod mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għall-Użu Mediċinali.
Il-Ministru Cardona spjega li tlieta minn dawn il-proġetti huma mill-Kanada, wieħed mill-Awstralja u l-ieħor mill-Iżrael.
Kompla jgħid li l-kumpaniji warajhom huma mniżżla jew qegħdin fil-proċess li jitniżżlu fuq boroż tal-kambju barranin.
Il-Ministru għall-Ekonomija fakkar li l-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali se ssir taħt sigurtà stretta mill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini.