Approvata skema ta’ €5.3 miljun biex Malta tirriċerka fuq il-coronavirus

REUTERS/Christian Hartmann

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skema għal Malta ta’ €5.3 miljun ta’ sapport għal investiment fir-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-imxija tal-coronavirus. Din l-iskema ġiet approvata bħala parti mill-Qafas Temporanju ta’ state aid addottat mill-Kummissjoni f’Marzu u emendat fit-3 t’April.

Il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager qalet li din l-iskema hija ta’ sapport għal proġetti ta’ riċerka biex tiġi żviluppata mediċina li hemm bżonn urġenti tagħha, u prodotti u għodod innovattivi li jgħinu lill-awtoritajiet jikkumbattu kontra l-kriżi tal-coronavirus.

Din l-iskema se tingħata bħala għotjiet diretti lil kumpaniji, inklużi entitajiet pubbliċi, li għandhom stabbiliment f’Malta u jkun beħsiebhom iwettqu proġetti ta’ riċerka u żvilupp b’rabta mal-pandemija.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Clayton Bartolo laqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u rringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea ta’ xogħolha b’risq Malta. Saħaq li dan is-sapport għandu jgħin lil Malta ssaħħaħ l-għarfien tagħha fuq il-coronavirus u tiżviluppa għodod biex tiġġilidlu.

L-għan ta’ din l-iskema huwa li tkun ta’ sapport għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi mqanqla minn dan il-virus qerriedi, bħal prodotti mediċinali u trattamenti, apparat mediku, diżinfettant, għodod ta’ ħażna tal-informazzjoni, u mezzi għat-tixrid tar-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Fl-istess waqt, din l-iskema hija maħsuba sabiex ittejjeb l-għodod u l-metodoloġiji għall-futur, billi jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda mill-pandemija kurrenti.

Kwalunkwe riżultat miksub mir-riċerka li ssir permezz ta’ din l-iskema, se jsir disponibbli għal partijiet terzi fiż-Żona Ekonomika Ewropea permezz ta’ liċenzji mhux esklussivi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn