Approvata r-riforma għall-ħatra ta’ Kummissarju

Qabel ma aġġorna għall-btajjel tal-Għid, il-Parlament approva b’34 vot favur u 24 kontra, l-emendi tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Pulizija fit-tielet qari, biex b’hekk dawn l-emendi għaddew mill-istadji kollha tal-Parlament u mistennija jsiru liġi. L-emenda prinċipali fil-liġi hi l-mod kif se jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

L-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika. Se tkun il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) li se tevalwa l-applikazzjonijiet kollha u tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinet tal-Ministri. Il-persuna magħżula mbagħad trid tgħaddi mill-iskrutinju tal-Parlament.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru wiegħed li mhux se jkun hemm logħob mal-għażla tal-Kummissarju l-ġdid. Huwa qal li metodu li kienet qed tipproponi l-Oppożizzjoni li l-kummissarju jintagħżel biż-żewġ terzi ma jaħdimx. Hu saħaq li l-Oppożizzjoni għandha l-irwol kruċjali biex fil-Parlament tagħmel domandi, diffiċli kemm huma diffiċli, lill-kandidat magħżul.

Fis-seduta tal-lum, id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li kienet ħasra li f’dan il-jum storiku fejn intlaħaq qbil dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef, l-Oppożizzjoni kien se jivvota kontra l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia awgura li l-ftehim dwar l-Prim Imħallef jixpruna ftehimiet futuri dwar l-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.