Approvata pompa tal-petrol oħra, ġranet qabel tinbidel il-liġi

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-permess għall-bini ta’ pompa tal-petrol ġdida tul triq arterjali f’Burmarrad.

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera kien wiegħed li r-riviżjoni tal-politika dwar il-pompi tal-fjuwil mistennija toħroġ sal-aħħar ta’ April.

Filmat: Herrera jgħid li reviżjoni mistennija sal-aħħar ta’ April

Minkejja dan, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva din l-applikazzjoni, ħamest ijiem biss qabel jasal l-aħħar ta’ April. Il-permess għadda b’7 voti favur u 4 kontra. Iċ-Chairman Vince Cassar u r-rappreżentanti tal-ERA Victor Axiak, tal-għaqdiet Annick Bonello u tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli vvutaw kontra.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li dan il-permess jipprovdi għal rilokazzjoni ta’ pompa tal-fjuwil oħra li tinsab fuq il-bankina fiż-żona residenzjali ta’ Burmarrad. Saħqet li din il-pompa se “kompletament diżattivata”.

Il-pompa l-ġdida għas-servizz tal-fjuwil se tinkludi wkoll faċilità tal-ħasil tal-karozzi, ħanut, garaxx, uffiċċju, spazji tal-parkeġġ u tinda biex tkopri ż-żona. Il-Bord impona qligħ mill-ippjanar (planning gain) ta’ €94,000.

Fi stqarrija fuq Facebook, il-Moviment Graffitti qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għadha kemm approvat il-permess għall-bini ta’ pompa tal-petrol fuq medda ta’ art kbira 3,600 metru kwadru ftit metri ‘il bogħod minn pompa tal-fjuwil oħra fl-istess lokalità. Qalu li “jidher li m’hemmx waqfien għal dan il-ġenn”.