Approvata pompa tal-petrol kontroversjali fil-Magħtab

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ pompa tal-petrol kontroversjali fil-Mosta, f’art ODZ qrib il-Magħtab.
Il-Bord tal-Awtorità qal li dan l-iżvilupp huwa skont il-politika ppubblikata dwar il-pompi tal-petrol f’Malta li ġiet ippubblikata f’April 2015.
Il-bord ivvota l b'9 voti favur u erba’ kontra dan il-proġett mentri l-istess Bord kien ivvota b’sitt voti kontra u tnejn biss favur f’vot preliminari li ttieħed fis-7 ta 'Diċembru li għadda. D’din il-laqgħa, il-membri tal-bord kienu indikaw li se jirrifjutaw l-applikazzjoni minħabba l-karatteristiċi rurali taż-żona, il-viċinanza tar-residenti u l-użu ta’ art agrikola fuq is-sit bejn Triq is-Salina u Trejqet l-Arznu, ħdejn it-Telgħa T'Alla w Ommu fin-Naxxar.

Il-pompa tal-petrol se tinbena fuq żona trijangolari ta' art bejn Triq is-Salina u Trejqet l-Arznu fejn bħalissa hemm żewġ rziezet abbandunati.
L-iżvilupp tal-kumpless kollu se jinkludi ħames pompi tal-fjuwil, faċilità tal-ħasil tal-karozzi u servizz għat-tajers tal-karozzi u ħanut.
Il-permess jistipula li qabel il-bidu tat-ftuħ tal-pompa tal-petrol il-ġdida, l-operaturi għandhom jagħlqu u jiddekontaminataw is-sit fejn hemm il-faċilità attwali fil-Mosta.