Approvata n-nomina ta’ Edwina Grima u Joanne Vella Cuschieri bħala mħallef u maġistrat

Il-Kabinett approva n-nomina tal-Maġistrat Edwina Grima biex isservi bħala mħallef fil-Qrati Superjuri u tal-Avukat Joanne Vella Cuschieri sabiex isservi bħala Maġistrat.
Din hi l-ħames ħatra li għamel il-Kabinett f’din il-legiżlatura fejn tliet nominati kienu nisa u tnejn kienu rġiel.
 
Il-Maġistrat Edwina Grima ħadmet bħala Avukat bejn l-1993 u l-2007 u speċjalizzat f’kawżi ċivili u matrimonjali.  Kienet ukoll fil-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati.  Serviet ukoll bħala Ċermen tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar bejn l-2002 u l-2005 u Ċermen tal-Bord tal-Appelli minn deċiżjonijiet dwar is-Sigurtà Socjali.
 
Dr Grima saret Maġistrata fis-17 ta’ Jannar, 2007 u serviet fil-Qorti tal-Maġistrati fil-ġuridizzjoni kriminali sew f’Malta u f’Għawdex.
 
L-Avukat Joanne Vella Cuschieri  hi sieħba f’ditta ta’ avukati u ilha mill-2005 sservi bħala konsulent legali ta’ żewg trade unions: il-General Workers’ Unionu l-Union of Technical and Clerical staff fi ħdan il-MEPA.  Hija wkoll tagħti lectures fil-qasam trejdjunjonistiku fi ħdan il-Fondazzjoni Reggie Miller.