Approvata mozzjoni biex Dragonara Point tiġi privatizzata

Il-Parlament Malti approva mingħajr dibattitu mozzjoni tal-Gvern li se tara l-art magħrufa bħala Dragonara Point tiġi privatizzata għaż-żewġ ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-prezz għal dan kollu se jkun madwar €55 miljun għall-kirja tal-art. 

Il-mozzjoni dwar l-art li fiha aktar minn 16,000 metru kwadru tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Dan bil-għan li jdawwar il-ftehim li sa issa kien biss f’forma ta’ kera mill-Gvern lil Dragonara Gaming Limited, fi ftehim emfitewtiku li jfisser li l-persuna li se tikri l-art trid tibni jew tirranġa l-propjetà li hemm fuqha. Jidher li ma ħarġet l-ebda talba għall-interess jew tender dwar l-art imsemmija.

Il-mozzjoni turi kronoloġija tal-mod kif l-art, li oriġinarjament kienet tal-Marquis Scicluna, ġiet mgħoddija minn CASMA Ltd lil Dragonara Gaming Limited. L-art kienet ġiet mikrija għal 10 snin fl-2010 biċ-ċans li din il-kirja tiġi estiża. Il-mozzjoni tgħid li Dragonara Gaming Limited investiet €17-il miljun fuq il-propjetà, somma li kienet aktar mill-ftehim kuntrattwali. Minkejja dan l-att notarali mhemuż mal-mozzjoni jgħid li dan kien l-investiment sħiħ.

Bħala parti min-negozjati l-ġodda dwar il-ftehim tal-kera, Dragonara Gaming Limited talbet li l-ftehim jinbidel f’wieħed emfitewtiku bejn l-2020 u l-2083. F’dan il-punt, daħlet il-Unit tal-Privatizazzjoni tal-Gvern li skont il-mozzjoni għamlet l-investigazzjonijiet neċessarji u nnegozjat it-termini u l-kundizzjonijiet.

Ir-rata l-kiri tal-art, skont kif stipulata fil-kuntratt hija dik ta’ €500,000 għall-ewwel 15-il sena u ta’ €1 miljun għat-48 sena ta’ wara. Dan iwassal għal qliegħ ta’ €55 miljun għal CASMA Ltd.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Minister għall-Affarijiet Ekonomiċi li qal li s-sit qatt ma kien propjetà tal-Gvern ċentrali, tal-Awtorità tal-Artijiet jew mid-Dipartiment tal-Artijiet. Minkejja dan, skont il-mozzjoni jidher ċar li l-Unit tal-Privatizzazzjoni tal-Gvern ġiet involuta.