​Approvata l-lukanda tad-Delimara

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ lukanda f’żona rurali ODZ li tinsab fid-Delimara fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Kalanka.
Dan ġie approvat waqt laqgħa li saret illum fejn f’mument minnhom issejħu wkoll membri tal-Pulizija biex ineħħu attivist mill-kamra.
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Marthese Portelli, iċ-Ċerpersin tal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) Victor Asiak, u r-rappreżentant tal-NGOs Annick Bonello vvutaw kontra.
Iċ-Ċerpersin tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) Sandro Chetcuti qal li dan l-iżvilupp se jkun qed ineħħi lukanda antika li kienet tinstab fi stat ta’ abbandun.
L-ERA qalet li l-proġett għandu jiċċekken għall-qisien tal-bini eżistenti.
Il-PA kienet irrakkommandat li dan il-proġett kellu jiġi approvat minkejja numru ta’ oġġezzjonijiet li tqajjmu mill-gruppi ambjentali u mill-membri tal-pubbliku.
Il-Kap tal-PA Johann Buttigieg qal li l-lukanda l-ġdida ma kinitx se tiddomina l-bajja b’mod viżwali.
Fi stqarrija, il-PA qalet li l-lukanda boutique kienet se tinbena minflok lukanda abbandunata. Hija qalet li dan il-proġett se jkun qed joħloq opportunità ġdida għall-akkomodazzjoni tat-turisti fin-nofsinhar ta’ Malta.
Skont il-PA, il-proġett jinsab f’żona protetta. Qalet li l-proġett jinkludi l-bini ta’ 17-il kamra, lounge area, bar u ristorant, pool, u spa.
Pjanijiet biex jinbena pont ġew irtirati minħabba l-biża’ li din setgħet timmina l-istabbilità tal-irdum.
It-tliet NGOs ambjentali (eNGOs) kienu qajjmu tħassib peress li jemmnu li se jinfetħu l-bibien għal aktar żvilupp f’żona ODZ u li se jonqos l-ambjent naturali li għad fadal.