Approvata l-liġi biex titwaqqaf Infrastructure Malta

Fi 36 vot favur u 26 kontra, l-parlament approva t-tielet u l-aħħar qari tal-Abbozz ta’ Liġi li japprova l-ħolqien tal-Aġenzija Infrastructure Malta li se tingħata r-responsabbilta’ li twettaq il-mandat tal-Gvern Laburista li tibni t-toroq kollha b’investiment ta’ ‘il fuq minn €700 miljun.

Il-vot ittieħdet wara division mitluba mill-Oppożizzjoni fit-tmiem ta’ l-aħħar seduta qabel mal-parlament aġġorna tax-xhur tas-sajf.

Fi stqarrija, il-Ministru għat-trasport Ian Borg qal li bl-approvazzjoni parlamentari tal-liġi l-Infrastructure Malta ngħatat l-pedamenti leġali sabiex titwaqqaf din l-aġenzija fil-ġimgħat li ġejjin u tibda tieħu f’idejha t-toroq residenzjali u rurali li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-kunsilli lokali.

Fost il-ħidmiet ewlenin ta’ Infrastructure Malta se jkun hemm it-tkomplija fl-iqsar żmien possibbli tal-proġetti kapitali kbar li diġà bdew fix-xhur li għaddew, jew li se jibdew dalwaqt fit-toroq arterjali, fosthom dawk tal-flyovers fi Triq Aldo Moro bejn il-Marsa u Raħal Ġdid, il-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, it-twessigħ u l-bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun Bypass u s-Central Link Project fl-inħawi tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.