Approvata l-ħatra tal-Kummissarju tal-UE għall-Irlanda

Read in English.

Il-Parlament Ewropew approva l-ħatra ta’ Mairead McGuinness bħala Kummissarju u l-bidla tal-portafoll tal-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis.

McGuinness (Irlanda) se tkun il-Kummissarju responsabbli għas-Servizzi Finanzjarji, l-Istabbiltà Finanzjarja u s-Swieq Kapitali. Il-ħatra tagħha ġiet approvata b’515 favur, 110 kontra u 70 astensjoni.

Filwaqt li hi membru tal-partit Irlandiż Fine Gael, Mairead McGuinness serviet ukoll bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew mill-2017. Hija serviet bħala Membru tal-Parlament Ewropew mill-2004 sal-2014 għall-Irlanda tal-Lvant u għall-Midlands-North-West mill-2014, li jagħmilha l-iktar Membru Parlamentari Ewropew (MPE) li damet isservi fl-Irlanda.

Il-bidla tal-portafoll għall-Viċi-President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis (Latvja) ġiet approvata b’583 favur, 75 kontra u 37 astensjoni. Issa huwa jinsab responsabbli għall-Kummerċ.

Ir-reshuffle fil-Kummissjoni Ewropea saret wara li l-Kummissarju għall-Kummerċ Phil Hogan irreżenja fl-aħħar ta’ Awwissu. Din ir-riżenja seħħet wara rapporti li żvelaw kif Hogan kien vjaġġa madwar l-Irlanda mingħajr ma rrispetta jew mexa mar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Din l-azzjoni ħolqot ħafna rabja mill-pubbliku u l-Gvern Irlandiż qal li tilef il-fiduċja f’Hogan.

“Nilqa’ b’sodisfazzjoni il-ħatra ta’ persuna b’esperjenza ta’ kif ekonomija żgħira trid tinnaviga” – Alfred Sant

L-MPE Alfred Sant ivvota favur McGuinness minħabba l-esperjenza tagħha ta’ kif ekonomija żgħira trid tinnaviga biex tkampa f’ambjent globalizzat tas-servizzi finanzjarji.

Huwa laqa’ wkoll il-fatt li McGuinness wriet l-impenn tagħha għal trasparenza assoluta fis-sorveljanza tal-industrija tas-servizzi finanzjarji fl-Ewropa u l-ħolqien ta’ policies ġodda għall-futur tagħha.

Ikkonkluda l-istqarrija tiegħu billi qal li l-kwalitajiet u l-esperjenza tagħha se jkunu utli għal dawk li se jkunu qed imexxu lill-Ewropa lejn unjoni tas-swieq kapitali li taħdem sew.