Approvata guest house f’Wied Għomor

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat guest house biex tinbena f’Wied Għomor.
Jidher li fil-laqgħa li saret, il-membri tal-Awtorità kkwotaw bidliet li ġew sottomessi t-Tlieta u li għalhekk id-deċiżjoni saret pożittiva għal dan il-proġett.
Id-deċiżjoni għaddiet bi tnejn jivvutaw favur u wieħed kontra.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-guest house li ġiet approvata għandha l-istess għoli u fond daqs il-villa residenzjali li kienet ġiet approvata sentejn ilu.
Tliet ġimgħat ilu, il-Front Ħarsien ODZ kien appella lill-Awtorità biex ma tapprovax dan il-permess f’wied li huwa protett fis-Swieqi.
Il-Front kien talab ukoll biex l-Awtorità timxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità għall-Amjent u r-Riżorsi (ERA), li kienet oġġezzjonat għall-iżvilupp, “minħabba l-impatt viżiv fuq Wied Għomor u għax joħloq preċedent dwar artijiet oħra vojta fiż-żona”.
Minbarra l-Front Ħarsien ODZ kien hemm ukoll għadd ta’ Kunsilli Lokali li oġġezzjonaw, fosthom dak tas-Swieqi. Rapporti qalu li rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi ma kellhomx aċċess għat-tibdiliet li ġew mressqa t-Tlieta biex finalment illum ġew aċċettati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fl-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar ġie spjegat li għalkemm fix-xahar li għadda l-Kummissjoni esprimiet ir-riżervi tagħha dwar l-applikazzjoni, illum il-Kummissjoni qalet li “kienet sodisfatta bil-pjanijiet riveduti mressqa mill-applikant li indirizza għadd ta' kwistjonijiet inkluż tnaqqis fiż-żona bil-ħġieġ”.
Aktar kmieni fix-xahar li għadda, it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ippjanar ċaħad l-applikazzjoni għal dar tal-anzjani fil-wied filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat żvilupp residenzjali f’Wied Għomor minkejja li l-Kunsilli Lokali tal-madwar urew id-diżapprovazzjoni tagħhom.