Approvat żvilupp residenzjali f’Wied Għomor

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat żvilupp residenzjali f’Wied Għomor minkejja li l-Kunsilli Lokali tal-madwar urew id-diżapprovazzjoni tagħhom.
Il-ġimgħa l-oħra, l-istess Awtorità ma laqgħetx l-applikazzjoni biex tinbena dar tal-anzjani f’parti oħra tal-wied.
L-applikazzjoni li ġiet approvata llum tinvolvi l-iżvilupp ta’ razzett eżistenti fi Triq il-Wied, fis-Swieqi, li fih jiżdied sular u tinbena l-bitħa eżistenti.
Il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u San Ġwann, flimkien ma’ numru ta’ għaqdiet ambjentali ppreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għal dan l-iżvilupp fosthom billi jispjegaw l-effetti li dan se jkollu fuq il-wied protett u r-riskji li dan l-iżvilupp jista’ jġib għal applikazzjonijiet oħra fil-futur.
Jidher li l-Bord tal-Awtorità vvota 10 favur u 2 kontra. Dawk li vvutaw kontra kienu r-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli u r-rappreżentant tal-għaqdiet Annick Bonello.
Ir-rappreżentant tal-Gvern Clayton Bartolo ma kienx preżenti għal dan il-vot għal-laqgħa.