Approvat tindif f’Wied il-Għasel

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat li jitnaddaf u jiġi rranġat Wied il-Għasel fin-Naxxar.
Fi stqarrija l-Awtorità qalet li dan il-Wied serva ta ispirazzjoni għal ħafna artisti fosthom Sammy Bartolo li ħareġ il-kanzunetta L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel.
Il-Wied, b’tul ta’ 1.5km jibda minn Għajn Riħana, qrib il-Victoria Lines bejn il-Mosta u l-Bidnija u jibqa’ sejjer sal-kappella ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra se jiġi protett taħt Grad 1.
Għal diversi snin fil-Wied kien qed jinżel materjal mill-barrieri u l-impjanti tal-konkrit li jinsabu madwar il-wied.
Ix-xogħlijiet jinvolvu tindief tal-ġwiebi u tħaffir biex jinżamm l-ilma u tħawwil ta’ siġar. 
Il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea.