Approvat l-att dwar il-produzzjoni tal-kannabis medika; il-PN kontra

Il-Parlament approva l-Att li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku, bil-Partit Nazzjonalista  jivvota kontra.
Il-liġi li ġiet approvata lbieraħ toħloq qafas regolatorju fis-settur, li fost l-oħrajn jistabbilixxi li ebda kultivazzjoni, importazzjoni jew proċessar ta’ kannabis, jew xi preparazzjoni derivanti minnha sseħħ f'Malta mingħajr il-pussess ta’ kull approvazzjoni, awtorizzazzjoni, liċenzja, jew permess neċessarju skont din il-liġi.
Min-naħa tal-PN, il-Membru Parlamentari Caludio Grech qal li l-grupp parlamentari tal-PN ivvota kontra t-tielet qari tal-abbozz għax, fi kliemu, ma kienx hemm assigurazzjoni biżżejjed dwar il-kultivazzjoni industrijali tal-kannabis.
Fil-Parlament Grech sostna li l-Gvern qal li kien diġa ffirma ftehim ma’ kumpaniji differenti tal-produzzjoni tal-kannabis medika, meta l-liġijiet li jirregulaw il-ħidma tagħhom kienu għadhom lanqas għaddew mill-Parlament.
Il-Partit Demokratiku vvota favur l-abbozz.
Sadanittant, fi stqarrija l-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, qal li l-kultivazzjoni għal skop ta’ riċerka u produzzjoni industrijali se tkun possibbli biss f’żoni industrijali siguri u taħt kundizzjonijiet stretti u mhux kif kien irraportat, fi kliemu, “b’mod skorett minn ċertu mezzi tax-xandir.”
S’issa l-korporazzjoni Malta Enterprise diġà approvat sitt proġetti mill-Kanada, l-Awstralja u Iżrael, b’investiment kapitali ta’ €40 miljun u l-ħolqien ta’ aktar minn 200 impjieg ġdid.
Il-Ministru Cardona temm jgħid li qiegħed ikompli jikber l-interess minn kumpaniji oħrajn, partikolarment issa li l-parlament Malti approva din il-liġi.
"Opportunità biex niddiversifikaw l-ekonomija" – PD
Min-naħa tiegħu l-Partit Demokratiku qal li dan hu ċans biex l-ekonomija f'dak li għandu x'jaqsam ma' das-settur tiġi ddiversifikata. 
Temm jgħid li dawn il-kumpaniji li qed juru interess f'Malta huma operaturi internazzjonali, u għalhekk se jikkontribwixxu biex jikber il-Prodott Gross Domestiku.