Approvat ix-xogħol ta’ tisbiħ tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta

L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ġew approvati l-permessi għal xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.
Fi stqarrija l-Awtorità qalet li dan permezz ta’ dan il-proġett se jsir ukoll restawr ta’ parti mill-Victoria Lines li tgħaddi mill-akwati tal-Ġnien.
Dan il-proġett se jkun jikkonsisti f’restawr delikat, partikolarment biex jerġa’ jinġabar ġebel li waqa’ maż-żmien, kif ukoll biex jinbnew mill-ġdid partijiet mill-ħajt u jitneħħew il-graffiti li kienu ġew pinġuti mal-faċċata tal-foritifikazzjonijiet.
L-Awtorità qalet li se jkunu installati wkoll bankijiet u dwal ġodda flimkiena ma gazebo u żona apposta fejn ikunu jistgħu jilgħabu t-tfal.
Il-ġibjun li hemm fil-Ġnien se jkun restawrat u mgħotti filwaqt li se jsir ilqugħ tas-sigurtà fil-parti li tmiss mat-triq bl-għan li jonqos il-periklu.
Il-Victoria Lines ġew mibnija fis-seklu dsatax mill-Ingliżi u jaqsmu l-Malta minn Baħar iċ-Ċagħaq sa Fomm ir-Riħ.
Ritratt: Aworità tal-Ippjanar