Approvat it-tieni qari tal-abbozz dwar il-midja u l-malafama

Il-Parlament approva t-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Midja u l-Malafama, b’35 vot favur u 29 vot kontra.
Fis-seduta tal-lejla, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici stqarr li b’dan l-Att se tkun aktar diffiċli biex jintrebaħ każ ta’ libell fil-konfront tal-ġurnalisti.
Żied jgħid li madanakollu, id-danni fil-libell ċivili se jogħlew għal €20,000.
Barra minn hekk fakkar li l-ġurnalist għandu serħan il-moħħ li ħadd ma jista’ jagħmillu mandat ta’ qbid jew ta’ sekwestru.
Il-Ministru saħaq li l-ġurnalist se jkun jista’ jikteb b’mod aktar liberu, biex iwassal il-fehma tiegħu.
Dwar is-sistema ta’ medjazzjoni, il-Ministru faħħar liċ-Ċermen tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright, li stinka biex tiddaħħal din is-sistema fejn ikun hemm libelli.
Dr Bonnici irrimarka li dwar dawn l-emendi, kien hemm dibattitu miftuħ u interessanti, li huwa wkoll xempju tal-liġi nnifisha.