​Approvat il-proġett tal-Fortina; jirduppjaw in-numru ta’ kmamar

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat il-proġett ta’ Fortina li jinkludi l-modernizzar ta’ lukanda flimkien ma’ żieda tal-kmamar tagħha minn 128 għal 240.
Fi stqarrija l-PA qalet li l-proġett għandu jtejjeb id-dehra ta’ Tigné.
l-Awtorità qalet li “aktar minn 2,500 metru kwadru ta’ art mhux żviluppata u l-ġonna tal-lukandi se jinbidlu fi plaza area ta’ żewġ livelli”. Il-plazas għandhom iservu bħala żona ta’ aċċess għal dawk in-nies li jkunu bil-mixi bejn ix-xatt ta’ Tigné u ż-żona interna ta’ Tigné minn Triq Censu Xerri.
F’dan il-proġett lukanda antika se tinbidel f’blokka ta’ appartamenti u spazju kummerċjali. Skont il-PA, il-lukanda ta’ ħames stilel eżistenti li tinsab fil-blokka ta’ ħdejha se tiżdied b’ħames sulari ġodda.
Binja eżistenti li kienet isservi bħala ristorant u spa għal-lukandi se tinbidel fi blokka ta’ 13-il sular. Se jkun hemm ukoll xi ristoranti.
Il-proġett jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art għal 419 karozza.
Il-PA qalet li l-Bord impona planning gain ta’ aktar minn €590,000 biex jintużaw f’Tas-Sliema għal proġetti għall-benefiċċju tal-kommunità. L-applikant intalab ukoll biex jagħti kontribuzzjoni ta’ €50,000 lejn il-Fond Artistiku.
Skont il-PA se jkun hemm “spazju pubbliku attraenti” fil-qalba taż-żona tal-iżvilupp.
Ritratt: PA