Approvat il-bini ta’ torri ta’ 15-il sular f’Ta’ Xbiex

Planning Authority

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat il-bini ta’ torri ta’ 15-il sular f’Ta’ Xbiex. Ir-rappreżentant tal-NGOs Annick Bonello biss ivvota kontra l-iżvilupp propost.

Fi stqarrija, il-PA qalet li tat permess għall-iżvilupp tat-torri f’żona li għandha bżonn reġenerazzjoni wara snin ta’ telqa u problemi soċjali.

Il-proġett huwa kbir 839m² u jinsab qrib il-proġett Metropolis. Jinkludi faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art, uffiċini, u faċilitajiet ta’ catering.

Il-PA qalet li aktar minn 55% tas-sit fl-ewwel sular se jkun spazzju pubbliku miftuħ.

L-ewwel ġebla tal-proġett Metropolis tpoġġiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat, però l-proġett għadu jrid jimmaterjalizza.

Il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex qal li r-residenti kienu favur il-proġett peress li se jservi biex jirriġenara ż-żona.

Il-Bord tal-PA impona planning gain ta’ €120,500 li se jintużaw għal proġetti urbani u ambjentali f’Ta’ Xbiex. €50,000 se jmorru għal fond artistiku.

Il-Bord japprova żvilupp f’Ħal Qormi

Il-PA qalet li l-bord se jkun qed jagħti wkoll permess għall-bidu ta’ xogħol ta’ skavar f’żona qrib is-Centreparc Shopping Mall fil-limiti ta’ Ħal Qormi.

Iż-żona tinvolvi l-bini ta’ żewġ livelli ta’ parkeġġ taħt l-art. Se jsiru l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi neċessarji. Se jsir ukoll studju tal-impatt fuq it-trasport.

Il-PA qalet li l-applikant issottometta pjanijiet ġodda biex minn binja ta’ 13-il sular, issa ssir blokka ta’ ħames sulari.