Approvat il-bini ta’ lukanda f’Marsaxlokk

L-Awtorità tal-Ippjanar illum approvat li tinbena lukanda minflok ir-ristorant Hunter’s Tower f’Marsaxlokk.

Din il-lukanda għandu jkollha 112-il kamra.

Il-bini eżistenti, li skont stqarrija tal-PA m’għandu l-ebda valur storiku jew tal-arkitettura, se jitwaqqa’ sabiex imbagħad minfloku tinbena lukanda li jkollha wkoll parkeġġ nofsu taħt l-art. Ingħad fl-istqarrija li minħabba l-post fejn se tinbena, il-volum tal-lukanda ġie ddisinjat bi ħsieb sabiex imur mat-topografija u l-karatteristiċi taż-żona.

F’Novembru tal-2018, il-Bord tal-Ippjanar kien qabel ma’ dan il-proġett u tah il-permess addattat skont iż-żona, li kellha tintuża biss għal skopijiet turistiċi. In-naħa tal-lemin taż-żona kellha tibqa’ spazju miftuħ sabiex ikun hemm ftit distanza bejn iż-żona turistika u ż-żona magħrufa bħala l-Magħluq, li tieħu ħsiebha Natura 2000.

Fl-istess perjodu, resident Xlukkajr kien saħaq ma’ Newsbook.com.mt li m’hemmx post għall-bini għoli u l-lukandi f’Marsaxlokk. Enfasizza kif is-sajjieda, ir-ristoranti u tal-monti jgħixu f’armonija flimkien.

Apparti dan, il-Bord tal-Ippjanar impona planning gain ta’ €202,000, u din is-somma għandha tintuża sabiex jiġi riabilitat is-sit Il-Magħluq u jiġi żviluppat ċentru ta’ viżitaturi sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezza dan is-sit.