Approvat id-Dokument tax-Xogħol tas-Sinodu dwar l-Amażonja

qa jiltaqa' ma' nativi tal-Amazonia waqt żjara fl-Amerika t'Isfel

F’laqgħa li saret il-ġimgħa li għaddiet fil-Vatikan, il-Knsill li qed iħejji għas-Sinodu dwar l-Amażonja bejn is-6 u s-27 ta’ Ottubru li ġej fil-Vatikan, approva d-Dokument tax-Xogħol biex fuqu l-Isqfijiet ikunu jistgħu jħejju ruħhom għad-diskussjonijiet li se jkollhom f’dawk il-jiem.

It-tema ta’ dan is-Sinodu se tkun: “L-Amażonja: Toroq ġodda għall-Knisja u għal Ekoloġija Integrali”.

L-idea għal din is-Sinodu ħoloqha l-Papa Franġisku wara l-Enċiklika tiegħudwar l-ambjent: “Laudato Si” dwar il-Kura tad-Dar Komuni Tagħna” li ssejjaħ biex tittieħed azzjoni dwar is-sħana tad-dinja u tindika r-reġjun tal-Amażonja bħala żona ta’ tħassib.

Il-Papa Franġisku nnifsu kien ħabbar li se jsir dan is-Sinodu fil-15 ta’ Ottubru 2017.

Għal-laqgħa tal-Kunsill Pre Sinodali li saret f’Ruma attendew il-membri kollha tal-Kunsill fosthom Kardinali, Isqfijiet, reliġjużi, lajċi li jirrappreżentaw il-Knejjes fl-Amażonja kif ukoll eperti, konsulenti u mitiedna speċjali.

Il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodi tal-Isqfijiet għamel rapport lill-membri tal-progress li sar s’issa fit-tħejjija għal dan is-Sinodu dwar l-Amażonja.

Materjal għall-Konsultazzjoni

L-iskop ewlieni tal-laqgħa ta’ din il-ġimgħa kien biex jiġi preparat dak li hu magħruf bħala “Instrumentum Laboris” li jiġbor f’dokument wieħed il-materjal għall-konsultazzjoni li jinkludi d-dokument preparatorju, ir-riżultati ta’ seminar li sar fi Frar u dokumentazzjoni minn diversi attivitajiet organizzati apposta mill-Isqfijiet tal-Amażonja.

Dan id-Dokument għalhekk jippreżenta s-sitwazzjoni pastorali tar-reġjun tal-Amazonja u biex jinfetħu toroq ġodda għal Evanġeliżazzjoni akbar fiż-żona. Fl-istess waqt id-Dokument hu riflessjoni dwar il-problema ekoloġika li tolqot l-Amażonja.

Fi tmiem il-laqgħa kien approvat l-Insrumentum Laboris li issa jitqassam b’mod wiesa’ ħafna u f’diversi livelli biex jinvolvi lill-Knisja kollha madwar id-dinja fil-proċess tas-Sinodu.