Bosta huma dawk l-istudenti u żgħażagħ li jkunu għadhom kemm temmew l-istudju tagħhom, li jmorru għal internship sabiex itellgħu ftit esperjenza u jlaħħmu s-cv.
Madanakollu huma ftit li jafu l-legalitajiet madwar l-internship u x’għandu jsir sabiex min iħaddem ma japprofittax ruħu minnhom u minn ħinhom.
L-internship jew kif jirreferu għalih bosta bil-lingwa Ingliża, internship, jikkonsisti fuq perjodu qasir fejn wieħed jipprattika professjoni, ħafna drabi mingħajr ħlas. Ġeneralment dan it-tip ta’ xogħol isir b’rabta mal-qasam ta’ studju tagħhom u ħafna drabi jkun rekwiżit mill-kors jew inkella xewqa li wieħed jikseb esperjenza qabel ma jidħol għad-dinja tax-xogħol.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jobsplus li spjega r-regoli fid-dettall ta’ dak kollu li għandu jsir qabel ma’ wieħed jibda internship ma’ kumpanija lokali.
Tipi ta’ internship
L-internship għandu jkun bejn ftit ġimgħat sa sitt xhur, bil-massimu possibli jkun ta’ 12-il xahar. Dawn jistgħu ikunu kemm obbligatorji jew inkella jsiru jekk wieħed verament jixtieq jagħmilhom. Dejjem jiddependi fuq il-kors.
Għalhekk, Jobsplus tirrikonoxxi żewġ tipi ta’ internship:
- Internship bħala parti minn studju akkademiku jew vokazzjonali
- Internship li jsegwi wara li wieħed itemm l-istudju tiegħu
Kull intern irid ikollu ftehim iffirmat
Kull tip ta’ intern irid ikollu ftehim iffirmat li jiġi sottomess lil Jobsplus. Il-ftehim irid jinkludi dawn l-affarijiet:
- Il-linja ta’ studju li l-intern irid isegwi
- Il-perjodu tal-internship u l-ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa
- Programm dettaljat li jinkludi l-objettivi tal-internship sabiex tkun assigurata l-kwalità u relatat mal-linja ta’ studju
- Identifikazzjoni tal-persuna li se tkun qed tieħu ħsieb lill-istudent
- Jekk hemmx xi tip ta’ sapport finanzjarju jew paga
- Insurance għal każ ta’ inċident
Wara li jintemm l-internship, l-istudent għandu jirċievi ċertifikat tat-tmiem jew ittra ta’ referenza.
Huwa importanti li l-istudent ma jispiċċax jagħmel xogħol ta’ persuna li taħdem fuq bażi full-time imma jkun iggwidat u taħt osservazzjoni kontinwa.
L-istudenti mhumiex intitolati li jirċievu impjieg mill-istess kumpanija wara li l-perjodu tal-internship jintemm.
Il-kumpaniji huma wkoll limitati fin-numru ta’ studenti li jimpjegaw f’internship.
Il-kelliem għall-Jobsplus spjegat li dawn ir-regoli huma importanti għaliex jassiguraw li l-ebda student ma jiġi użat jew immanipulat.
Trid timla l-formola tal-Jobsplus
Qabel ma tibda t-terminu tal-apprentistat tiegħek, il-kelliema għall-Jobsplus insistiet li hemm bżonn timtela formola bl-isem ta’ Internship/Traineeship Notification Form (LCU13) flimkien mal-ftehim imsemmi aktar kmieni.
Din tista’ tintbagħat bil-posta lil Jobs Advisory Services, Employment Services Division, Ħal Far, BBG 3000 jew inkella internships.jobsplus@gov.mt minn tal-inqas ġimgħatejn qabel ma jibda.
Jobsplus imbagħad tiddetermina jekk dan l-apprentistat jistax isir jew le.
Inti kellek xi esperjenza ta’ internship li ma segwitx ma’ dawn ir-regoli? Ibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt