Appoġġja l-Brexit u sar ċittadin Malti

Persuna li appoġġjat il-kampanja Brexit biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea akkwista l-passaport Malti bl-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment.
Dan kien irrappurtat fil-Financial Times fejn ġew ippubblikati d-dettalji tal-biljunarju Christopher Chandler.
Chandler twieled fi New Zealand u huwa l-moħħ wara l-Grupp Legatum, li huwa bbażat f’Dubai. Leagtum għandhom ukoll Fondazzjoni li kienet iffurmata bħala think-tank Ingliża, ibbażat Londra, li kienet toħroġ revisti favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-bijografija ta’ Chandler fuq Wikipedia kienet aġġornata fil-pront.
L-ismijiet ta’ Chandler u l-Kap Eżekuttiv ta’ Legatum Mark Stoleson dehru fil-lista ta’ persuni li saru ċittadini Malti fl-2016.
Minkejja li l-gvern għamel il-lista alfabetika skont l-isem biex ikun differenti li tinduna min kienu l-familji li xtraw iċ-ċittadinanza, Newsbook.com.mt kien ippubblika l-lista b’mod alfabetiku skont il-kunjom.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li din l-aħbar tikkonferma t-tħassib tal-Oppożizzjoni u t-tħassib li wrew il-Membri Parlamentari Ewropej fir-rapport li ħejjew dwar Malta.
Fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom l-MEPs kienu talbu lill-Gvern Malti biex jippubblika separatament il-lista tal-persuni li qed jingħataw iċ-Ċittadinanza Maltija taħt il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) u għandu jibda jagħmel assessjar indipendenti tal-programm u tal-proċeduri kontra l-ħasil ta’ flus fl-istess programm.
Min-naħa tagħha l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li huwa surreali.