Appoġġ sħiħ minn AD biex tintemm il-kaċċa fir-rebbiegħa

Iċ-ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li AD qed tappoġġa b’mod sħiħ lill-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
Huwa qal dan b’rabta mal-preżentazzjoni ta’ ftit inqas minn 45,000 firma li qed jitolbu li jissejjaħ referendum abrogattiv li permezz tiegħu l-kaċċa fir-rebbiegħa tintemm darba għal dejjem.
Arnold Cassola kompla jgħid li l-ħarsien tan-natura u t-tgawdija tal-kampanja u postijiet pubbliċi huma fuq quddiem nett fl-aġenda ta’ AD. Spjega kif AD se tkompli bil-ħidma tagħha f’din id-direzzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew. 
Tkellem ukoll id-Deputat Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo li qal li r-riżultati miksuba sal-lum huma prova ċara dwar kemm dawk favur l-ambjent f’Malta jeħtieġ li jikkooperaw fuq ħafna iktar affarijiet.