Servizz ta’ konsulenza għal 5,400 bidwi

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia nedew il-farm advisory services. Clint Camilleri qal li dan il-proġett, se jaħdem b’mod sħiħ fil-ġimgħat li ġejjin, u se jkunu qed jibbenefikaw minnu 5,400 bidwi.

Huwa spjega wkoll li se tingħata għajnuna minħabba l-cross compliance li tfisser l-obbligi kollha li huma mitluba mill-Unjoni Ewropea biex tkun qiegħda konformi mal-liġijiet. Spjega li se jingħataw servizzi tanġibbli, bħal pereżempju l-crop plan, u l-fertiliser hekk kif se jingħataw sussidju mill-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, Aaron Farrugia qal li din l-iskema ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali b’valur ta’ madwar €2 miljun, se tipprovdi appoġġ permezz ta’ servizzi konsultattivi lill-bdiewa u lir-raħħala, inklużi dawk żgħażagħ biex ikollhom iktar aċċess għall-fondi Ewropej. Spjega li l-programm jlaħħaq mal-€130 miljun u fih 34 miżura, li 28 minnhom diġà ġew varati.