Appoġġ kbir għas-Superjur tal-MUSEUM imressaq il-qorti

Eluf ta’ persuni fuq Facebook qed juru l-appoġġ tagħhom lejn is-Superjur tal-MUSEUM li ftit jiem ilu ġie akkużat li kkorrompa tifel ta’ 10 snin.
S'issa fil-paġna I am morally certain that Mr Anthony Callus is innocent ingħaqdu 4,451 persuna, bl-għadd ta' persuni qed jiżdied bil-minuta. Fost numru ta’ persuni oħrajn, din il-paġna, li nħolqot fit-28 ta’ Awwissu, sabet ukoll l-appoġġ ta’ numru ta’ politiċi Maltin, fosthom is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, il-Membru Parlamentari mis-Siġġiewi Ryan Callus, u s-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef.
Il-paġna tappella lis-soċjetà biex tieħu pożizzjoni u ssemma’ leħenha kull meta s-sistema legali tkun ta’ detriment għall-persuni innoċenti li għadhom biss akkużati u mhux ħatja. Ħafna qalu wkoll li ma kienx sew li tħabbar ismu fil-pubbliku meta dan għadu biss akkużat.
Fuq paġna oħra fuq Facebook, bl-isem ta’ Siġġiewi – Città Ferdinand, numru ta’ persuni mis-Siġġiewi sostnew li jemmnu li l-akkużat hu innoċenti. Uħud minn dawk li jafuh personalment qalu li s-soċju hu bniedem ta’ dixxiplina u li ħajtu ddedikaha kompletament għall-MUSEUM u għall-fidi.
Anke persuni fuq il-paġna Armar Siġġiewi esprimew l-opinjoni pożittiva dwar l-akkużat u wrew solidarjetà mas-soċju f’dan il-mument diffiċli. Appellaw ukoll lill-awtoritajiet biex il-każ jinstema’ b’mod urġenti. Fost l-oħrajn kien hemm min qal li “dan ir-raġel iddedika ħajtu għas-soċjetà u biex jeduka u żgur m’għandux jitħallas b’dan il-mod.”
Barra minn hekk, il-cover photo tal-paġna nqalbet ukoll għal poster li jgħid “Kuraġġ Tonio Callus – Is-Siġġiewi kollu warajk – Il-verità għad toħroġ u s-sewwa jirbaħ.”
Mhux fuq Facebook biss kienu dawk li wrew is-support tagħhom lejn l-akkużat. Fil-fatt, nhar it-Tlieta flgħaxija se ssir attività fis-Siġġiewi fejn se jsir talb għas-Superjur. Din se tittella’ lejliet is-seduta tal-Qorti, fejn se jkompli jinstema’ l-każ tal-akkużat.