Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Kompetizzjonijiet Nazzjonali tal-Presepji

Bħal kull sena Festivals Malta qed tniedi l-Kompetizzjonijiet Nazzjonali tal-Presepji għall-Milied tal-2019, li jinqasmu fuq sitt kategoriji differenti.

Dawn ivarjaw fil-qies tal-presepju, jekk hux mekkaniku kif ukoll fl-oriġinalità tal-materjal li jintuża jew fl-eżekuzzjoni tiegħu. F’kull kategorija jingħataw premji fi flus lill-ewwel tliet rebbieħa li jintagħżlu minn ġurija magħżula apposta. L-applikazzjonijiet se jiftħu fl-14 ta’ Ottubru.

Iktar dettalji dwar is-sitt kompetizzjonijiet tal-presepji

Din is-sena l-kompetizzjonijiet se jiftħu f’dawn il-kategoriji:

  1. Presepju Mekkaniku
  2. Presepju Kbir Stil Bibliku
  3. Presepju Kbir Stil Ieħor
  4. Presepju ta’ Qies Medju
  5. Presepju  Żgħir
  6. Presepju Oriġinali

Kull presepju jrid ikun miftuħ għall-pubbliku mill-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2019  sal-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020.  Il-ħin tal-ftuħ għall-wiri għandu jkun mill-5pm sat-8pm tul il-ġranet kollha msemmija. Kull applikant jista’ jżomm il-post tal-wiri miftuħ f’ħinijiet itwal u/jew ġranet aktar milli stipulat.

Id-dħul għall-wiri tal-presepju għandu jkun bla ħlas, iżda hu permess li jitpoġġa xi reċipjent viċin il-presepju għad-donazzjonijiet tal-pubbliku.

Il-membri kollha tal-ġurija għandhom id-dritt li jżuru l-presepji kemm-il darba jixtiequ fil-ġranet u l-ħinijiet imsemmija għall-wiri. Jistgħu wkoll jieħdu ritratti u/jew filmati tal-presepju jew partijiet minnu, kemm huma stess jew bis-saħħa ta’ fotografu mqabbad apposta.

Il-ġurija għandha d-dritt ma tagħtix il-premjijiet jekk skont il-ġudizzju tagħha ma jkunx intlaħaq il-livell meħtieġ. F’kull każ id-deċiżjonijiet tagħha jkunu finali u inappellabbli.

L-applikazzjonijiet fuq il-formola preskritta, kompluti b’mod ċar bid-dettalji kollha mitluba, jiftħu nhar it-Tnejn 14 ta’ Ottubru 2019 u għandhom jitwasslu bl-idejn jew jintbgħatu bil-posta flimkien mal-ħlas ta’ €10 sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 15 ta’ Novembru 2019 fl-Uffiċċju ta’ Festivals Malta: 13, Europa Centre, Giovanna Lopez Street, Floriana.

L-ebda applikazzjoni ma tkun aċċettata jekk tasal wara dan il-ħin tal-ġurnata msemmija. Għal aktar dettalji dwar ir-regolamenti u l-applikazzjoni, tista’ żżur www.festivals.mt, tibgħat email fuq info.fm@festivalsmalta.org jew iċċempel fuq 23347301/2.