Applikazzjonijiet għal xi postijiet vakanti fi skejjel tal-Knisja

Se jintlaqgħu applikazzjonijiet għal sitt postijiet għas-subien fis-sitt sena primarja f’xi skejjel tal-Knisja.
L-applikazzjonijiet isiru nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Lulju 2014, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, bejn id-9.00 ta' filgħodu u nofsinhar.
Matul ix-xhur li għaddew ġew irreġistrati l-istudenti subien li applikaw għad-dħul fis-sitt sena.
Xi wħud minnhom kienu fi skola tal-Knisja u għażlu skola tal-Knisja oħra.
Minn dan il-proċess irriżulta li baqa’ tliet postijiet vakanti f’St Francis, l-Imsida u tliet postijiet vakanti f’Teresa Nuzzo fil-Marsa.
Jista’ jkun li ‘l quddiem ikun hem ukoll postijiet vakanti f’St Augustine College jew f’xi skola oħra tal-Knisja.
F’dan il-każ tintuża l-proċedura tal-Formola tal-Preferenza skont ir-Regolamenti tad-Dħul fost dawk li japplikaw.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu skont il-kriterji; Studenti skont l-ewwel kriterju jiġifieri tad-Djar tal-Knisja, aħwa, ulied ta’ impjegati fi skola tal-Knisja u transfers, u skont it-tielet kriterju applikanti oħra.
L-applikanti għas-sitt sena primarja jridu jkunu twieldu fis-sena 2004.
Min se japplika għandu jippreżenta ċertifikat tat-twelid mill-insinwa tat-tifel li għandu jkun orġinali u mhux fotokopja.
Min hu Kattoliku għandu jippreżenta ċ-ċertifikat tal-Magħmudija, li jkun oriġinali u mhux fotokopja.
Trid tintwera l-Karta tal-Identità tal-missier jew l-omm u jiġi ppreżentat ritratt tat-tifel li jkun id-daqs ta’ passaport.
Jekk il-ġenituri huma separati jeħtieġ id-dokument riċenti li jindika l-kustodja tat-tfal.
Il-ħlas għall-applikazzjoni huwa ta’ €14. Aktar dettalji dwar ir-Regolamenti tad-Dħul jinsabu fis-sit elettroniku www.thechurchinmalta.org.
Dan il-proċess se jitmexxa skont ir-Regolamenti tad-Dħul. Il-polza tal-applikanti ser issir nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Lulju 2014, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.
Il-polza tibda fis-1.00 p.m.
Immedjatament wara ssir ir-reġistrazzjoni tat-tfal, għaldaqstant huwa importanti li l-ġenituri jkunu prezenti għall-polza.
F’kaz ta’ diffikultà wieħed jista’ jċempel fuq 27790077 jew 27790060.