Applikazzjoni u studji ambjentali għall-pipeline tal-gass

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jibda l-proċess biex jinkisbu l-permessi ambjentali f’Malta u fi Sqallija għall-pipeline tal-gass li mistenni jgħaqqad lil Malta mas-suq Ewropew tal-gass. Qal ukoll li l-proġett mistenni jdum seba' snin biex jitwettaq.
Huwa qal dan fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone.
Mizzi qal li fix-xhur li għaddew tlesta d-disinn bażiku tal-infrastruttura neċessarja għal dan il-pipeline, ġiet iddentifikata r-rotta bejn Malta u Sqallija u s-siti fejn ha jitpoġġew it-terminal stations ġewwa Gela u Delimara.
Huwa fakkar li f’Mejju ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u r-Reġjun ta’ Sqallija fuq livell tekniku għall-kollaborazzjoni sħiħa bejn Malta u r-Reġjun Sqalli, b’koordinament ma’ Ruma.
Spjega li matul dan is-sajf se jinbeda l-proċess biex jinkisbu l-permessi ambjentali f’Malta kif ukoll ġewwa l-Italja bis-sottomissjoni tal-’Project Description Statement’ u ‘Scoping Report’ lil-Awtoritajiet rispetivi. 
Eventwalment, fl-2018 jibdew isiru l-istudji dettaljati ambjentali (EIA) kif ukoll dawk tekniċi fosthom survej ta’ qiegħ il-baħar tar-rotta kollha b’tul ta’ madwar 152km. 
Mizzi qal li l-Gvern mistenni japplika għall-fondi Ewropej biex ikunu ffinanzjati dawn l-istudji li mistennija jiswew madwar €8 miljun.
Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed iwaqqaf kumpanija pubblika għat-twettieq ta’ dan il-proġett.
Il-proġett għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija jaf il-bidu tiegħu fl-2012 meta Malta applikat għall-fondi Ewropej biex ikun jista’ jitwettaq studju dwar il-vijabilità ta’ pipeline bħal dan. L-istudju inkwestjoni kien sar minn DSG Consulting Ltd.