Applikazzjoni għal pompa tal-petrol oħra f’ODZ; Il-PD jitlob dibattitu urġenti

Il-Partit Demokratiku qed jisħaq li għandu jkun hemm dibattitu urġenti dwar tibdil li fi kliemu hemm bżonn fil-politika tal-pompi tal-petrol.
Huwa għamel din it-talba wara li sar magħruf li quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar hemm applikazzjoni biex tinbena pompa tal-petrol oħra fl-Imġarr, f’żona li hi barra mill-iżvilupp.
F’Diċembru li għadda, il-Partit Demokratiku kiteb lill-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp dwar tibdil li hemm bżonn fil-politika tal-pompi tal-petrol iżda wara l-aħħar permessi u żviluppi qed jinsisti li dan id-dibattitu għandu jsir malajr kemm jista’ jkun.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ pompa tal-petrol kontroversjali fil-Mosta, f’art ODZ qrib il-Magħtab.
Fi stqarrija, il-PD staqsa lill-Partit Nazzjonalista jekk hux se jkun qed jaħdem mal-Partit Nazzjonalista biex isir it-tibdil meħtieġ f’din il-politika, minkejja dan wera d-dubji tiegħu wara li l-PN ma kienx wara l-PD meta dan talab li l-kwistjoni ta’ Smart City titpoġġa fuq l-aġenda tal-Awditur Ġenerali fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.
Il-PD qed jinsisti li l-art li fuqha hemm Smart City ma reġgħetx marret għand il-poplu meta min akkwista l-art ma żammx mal-kundizzjonijiet maqbula fil-kuntratt.
Il-Partit Demokratiku fakkar ukoll lill-Partit Nazzjonalista li l-persuna li nnomina fuq il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ġiet miċħuda. Il-Partit Demokratiku minnufih ippropona li jkun Alfred Baldacchino li jieħu s-siġġu tal-Oppożizzjoni fuq il-bord ta’ din l-Awtorità, iżda sa issa l-Partit Demokratiku għadu bla risposta.
Staqsa wkoll meta se tibda l-konsultazzjoni wiesgħa dwar il-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib fil-Park tal-Majjistral u insista li d-dewmien juri li d-drittijiet tal-kaċċaturi tpoġġew qabel dawn tal-pubbliku inġenerali.