Jintlaqgħu l-applikazzjonijiet fis-Sixth Forms tal-Knisja

Il-mertu akkademiku se jkun il-kriterju li bih se jiġi determinat il-proċess tad-dħul.

Read in English.

Il-Kurja tal-Arċisqof, ippubblikat dettalji dwar il-proċess li permezz tiegħu se jintlaqgħu applikazzjonijiet fil-kulleġġi Sixth Form tal-Knisja. Il-mertu akkademiku se jkun il-kriterju li bih se jiġi determinat il-proċess tad-dħul.

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti l-eżamijiet standardizzati ma setgħux isiru. Dan wassal sabiex, filwaqt li l-mertu akkademiku jiġi ġġudikat b’mod ġust u trasparenti, il-Kulleġġi De La Salle u San Alwiġi flimkien mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, talbu l-għajnuna ta’ esperti fil-qasam, sabiex jinbidel il-proċess.

Il-proċess tal-applikazzjoni

Tħabbar li l-proċess ta’ applikazzjoni ser isir f’żewġ fażijiet.

L-Ewwel Fażi: L-applikanti interessati li japplikaw fil-Kulleġġ De La Salle u/jew fil-Kulleġġ San Alwiġi jridu jiksbu l-Assessment Statement for Entry into Church Sixth Forms biex ikunu jistgħu japplikaw għat-tieni fażi f’Awwissu.

L-istudenti għandhom japplikaw għal din id-dikjarazzjoni minn https://www.delasallemalta.org/sixthform/ jew http://www.saintaloysius.edu.mt/ bejn 00:00 tas-6 ta’ Lulju u 23:59 tal-10 ta’ Lulju bi ħlas ta’ €5. Applikazzjonijiet għal din id-dikjarazzjoni li jidħlu tard jistgħu jintbagħtu xorta waħda bejn 00:00 tas-16 ta’ Lulju u 23:59 tas-17 ta’ Lulju bi ħlas ta’ €10.

Id-dikjarazzjoni tintbagħat lil dawk li applikaw qabel il-bidu tat-Tieni Fażi u tintuża mill-applikanti meta japplikaw għat-Tieni Fażi.

It-Tieni Fażi: Din isseħħ f’Awwissu. L-applikanti jimlew u jissottomettu formola ta’ applikazzjoni online għall-Kulleġġ De La Salle u/jew San Alwiġi. Informazzjoni dwar dati ta’ applikazzjoni u affarijiet oħra se jkunu aċċessibbli fil-website ta’ kull kulleġġ. Fil-websites rispettivi se jkun hemm ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-proċess li qed jintuża din is-sena, kif ukoll regoli u regolamenti rilevanti.

Min jikkwalifika?

Il-proċess li se jintuża hu bbażat fuq dawn il-prinċipji ewlenin:

  1. Ladarba l-applikanti m’għamlux l-eżamijiet taċ-ĊES jew tal-IGCSE f’April/Mejju 2020, se jiġu kkunsidrati r-riżultati vverifikati tal-eżamijiet tal-mock tal-iskola. Dawn huma r-riżultati li l-iskejjel tal-applikanti bagħtu lill-MATSEC bħala parti mill-eżerċizzju ta’ kalibrazzjoni li ħaddem il-MATSEC.
  2. Fejn hemm skejjel li kellhom suġġett jew aktar li l-eżami tal-mock ma sarx, jew parti minnu ma saritx, minħabba l-għeluq tal-iskejjel, se tiġi kkunsidrata l-marka assenjata mill-iskola fl-SSC&P (Secondary School Certificate and Profile), bil-kundizzjoni li l-applikanti jkunu kisbu livell 3 QMK fis-suġġett.
  3. Qabel japplikaw għas-Sixth Forms tal-Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ San Alwiġi, l-applikanti jridu japplikaw f’Lulju għal dak li hu magħruf bħala Assessment Statement for Entry into Church Sixth Forms.
  4. Din id-dikjarazzjoni ta’ assessjar se toħroġ għal kull applikant mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika flimkien maż-żewġ skejjel tas-Sixth Form. Din se (i) tinkludi l-lista ta’ suġġetti li l-applikant għamel fl-eżamijiet tal-mock fl-iskola u, (ii) tassenja ‘bands’ lil kull suġġett f’livell karta 2A u 2B, skont ir-riżultat ivverifikat tal-eżamijiet tal-mock li l-iskejjel bagħtu lill-MATSEC. Kull suġġett f’livell karta 2A jingħata – band A, band B, band Ċ jew band D1, filwaqt li kull suġġett f’livell karta 2B jiġi assenjat band D2.
  5. Il-bands jikkorrispondu mal-persentaġġi medji miksuba għal kull grad f’livell taċ-ĊES fl-2017, l-2018 u l-2019 (ibbażati fuq rapporti statistiċi tal-MATSEC) għal kull suġġett f’kull settur, jiġifieri skejjel tal-Istat, tal-Knisja, indipendenti u skejjel ta’ Għawdex.
  6. Band A tiġi assenjata lill-ogħla persentaġġ ta’ studenti f’kull skola skont il-persentaġġ medju ta’ Grad 1 miksub għal kull suġġett fi ħdan is-settur tal-iskola li għalih tappartjeni kull skola. Bl-istess mod, Band B tikkorrispondi għal Grad 2, Band Ċ tikkorrispondi għal Grad 3, u Band D1 tikkorrispondi għall-gradi l-oħra, għal studenti li kisbu livell 3 QMK.
  7. Saru proviżjonijiet speċifiċi għal suġġetti fejn numru żgħir ta’ studenti għamlu l-eżamijiet taċ-ĊES kif ukoll għas-suġġetti tal-VET.
  8. Ma jingħatawx bands għal dawk is-suġġetti jekk l-applikanti kienu assenti fl-eżamijiet tal-mock li saru fl-iskejjel.