Applikazzjoni biex jinbena LIDL ieħor

LIDL beħsiebhom jibnu stabbiliment ġdid f’Ħaż-Żebbuġ anke jekk fil-madwar hemm numru ta’ stabbilimenti oħra tal-istess kumpanija.

F’eżerċizzju li sar minn Newsbook.com.mt jindika li mad-dawra ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm tliet stabbilimenti li qiegħdin bejn 4km u 7km ‘il bogħod. Dawn huma l-istabbilimenti ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi u Santa Venera.

Intant hemm applikazzjoni oħra għall-iżvilupp ta’ stabbilment ta’ LIDL fil-Fgura li fuqha l-Kunsill tal-lokalità għadu ma ħax pożizzjoni.

L-applikazzjoni qegħda għal fuq l-art li tinsab barra miż-żona tal-iżvilupp u li kienet ta’ SMW Cortis fi Triq l-Imdina kantuniera ma’ Triq Ħ’Attard fuq barra ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Iż-żona kollha f’dan l-iżvilupp propost hi kbira 13,550 metru kwadru skont il-pjanti li ġew preżentati mal-applikazzjoni.

Fil-pjanti hemm li l-fabbrika u showroom eżistenti se jkunu qed jitwaqqgħu filwaqt li kmamar fl-għelieqi u s-substation se jiġu relokati.

F’livell taħt l-art se jkun hemm spazju għall-uffiċċini, showroom, ħwienet u workshops.

Il-bejt se jkun miksi panelli fotovoltajiċi skont l-applikazzjoni.

S’issa kien hemm oġġezzjoni waħda fuq l-iżvilupp propost. Il-persuna li oġġezzjonat qalet li madwar 33% biss tal-art imsemmiha qegħda f’area of containment. Fl-oġġezzjoni l-persuna semmiet ukoll li l-applikazzjoni kif inhi se tkun qed tinkorpora parti mit-triq li bħalissa tintuża waqt l-iktar ħinijiet traffikużi meta wieħed ikun tiela’ minn Ħ’Attard lejn Ħaż-Żebbuġ

 

.