Applika għall-festival Trikki Trakki!

Il-Festival tat-teatru taż-żgħażagħ Trikki Trakki organizzat minn Teatru Malta għall-2021 se jkun miftuħ għal kulħadd!

Ritratt: Elisa Von Brockdorff: Trikki Trakki 2020

Read in English.

Ir-raba’ edizzjoni tal-Festival tat-teatru taż-żgħażagħ Trikki Trakki organizzat mill-kumpanija nazzjonali Teatru Malta se tkun waħda speċjali mlaqqma l-Edizzjoni PANDEM-onju. Minħabba l-pandemija, il-festival għall-2021 inbidel minn festival mal-iskejjel għal festival li għalih jista’ japplika kulħadd. L-applikazzjonijiet din is-sena nfetħu għaż-żgħażagħ kollha li jattendu s-seba’ sena (Form 1), it-tmien sena (Form 2) u d-disgħa sena (Form 3) tal-iskola u li għandhom passjoni għat-teatru, li ntalbu jibagħtu audition iffilmjata biex imbagħad jintgħażlu l-aqwa applikazzjonijiet.

Dawk il-ġenituri taż-żgħażagħ li għandhom interess fit-teatru għandhom jidħlu fis-sit ta’ Teatru Malta u jniżżlu l-formola tal-applikazzjoni, li fiha wkoll id-dettalji kollha. Iż-żgħażagħ iridu jagħżlu monologu, jippreparawh u jiffilmjawh. Imbagħad għandhom jibagħtu dan il- filmat flimkien mad-dettalji tagħhom lil Teatru Malta sa nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Jannar 2021.

Għat-tliet edizzjonijiet li għaddew tal-festival kellhom japplikaw l-iskejjel infushom, iżda minħabba r-restrizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà din is-sena dan ma kienx possibbli. Minkejja d- diffikultajiet kbar li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tat-teatru, Teatru Malta xorta waħda ddeċidiet li l-festival se jsir, iżda f’forma differenti, adattata għas-sitwazzjoni l-ġdida. L-edizzjoni PANDEM-onju se tkun waħda mħallta, b’ċertu attivitajiet li se jsiru online, filwaqt li oħrajn se jsiru fit-teatru, dejjem bir-rispett tad-distanzi soċjali u l-miżuri l-oħra meħtieġa.

L-istudenti li se jintgħażlu se jaħdmu fuq monologi miktubin apposta għalihom minn kittieba stabbiliti lokali. Id-direzzjoni se tkun f’idejn uħud mill-aqwa diretturi lokali, kif inhi t- tradizzjoni ta’ Trikki Trakki. L-ewwel provi tal-monologi mad-diretturi se jsiru online, imbagħad fil-ġimgħa tal-produzzjoni bejn it-8 u t-12 ta’ Marzu se jaħdmu ġot-teatru fejn se jagħtu spettaklu lil udjenza limitata nhar is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 ta’ Marzu 2021.

Trikki Trakki
Ritratt: Elisa von Brockdroff

Għal aktar dettalji żuru www.teatrumalta.org.mt u niżżlu l-applikazzjoni minn hemm. Iż-żgħażagħ li jixtiequ japplikaw għandhom jagħżlu monologu, jiffilmjawh bil- mowbajl u jibagħtuhulna flimkien mad-dettalji tagħhom fuq contact@tearumalta.org.mt jew 99063089 sa nofsinhar tat-8 ta’ Jannar 2021.