Appellata d-deċiżjoni tal-ERA li jitqaċċtu s-siġar tal-ħarrub f’Ħad-Dingli

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Moviment Graffitti, flimkien ma’ bdiewa u residenti, qawwa l-ġlieda tiegħu kontra t-triq li trid tgħaddi Infrastructure Malta f’Ħad-Dingli, billi ressaq appell quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li toħroġ permess biex jitqaċċtu żewġ siġar maturi biex issir din it-triq.

It-triq proposta se tfisser il-mewta ta’ dawn is-siġriet tal-ħarrub li għandhom mat-300 sena, kif ukoll il-mewt għall-għajxien tal-bdiewa li għandhom l-art f’din iż-żona. Skont l-NGO, din it-triq se tirrovina l-kuntest u l-integrità strutturali tal-Kappella ta’ Santa Duminka, kappella medjevali, li dil-ġimgħa għadha kemm ġiet skedata fi Grad 1 fuq talba tar-residenti u l-attivisti.

Fi stqarrija, Moviment Graffitti qal li, “F’dak li issa sar modus operandi komuni, persunal ta’ Infrastructure Malta tfaċċa fuq il-post mingħajr ebda notifika l-għada li nħareġ il-permess u beda jqaċċat is-siġar fiż-żona, qabel ma twaqqaf għal darb’oħra minn residenti u attivisti. L-ERA bagħtet xi persunal tagħha f’Ħad Dingli sabiex jinvestiga l-każ, u ħareġ li Infrastructure Malta ma informatx lill-ERA bil-pjan tagħha li tibda x-xogħlijiet kif mitlub fil-kundizzjonijiet tal-permess.

Fid-dawl ta’ dan, bdiewa, residenti u attivisti applikaw għas-sospensjoni tax-xogħlijiet, li bdew illegalment fil-perjodu li fih seta’ jitressaq l-appell, u għal darb’oħra mingħajr ebda notifika.”

Fl-appell tagħhom, qegħdin jikkontestaw id-deċiżjoni “mhux raġonevoli” tal-ERA li toħroġ il-permess, u għall-ksur ta’ diversi regolamenti inkluż proviżjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus u ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Moviment Graffitti qal li għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid Infrastructure Malta, parti mit-triq proposta biss tifforma parti mill-iskema u l-bqija tat-triq hu ppjanat li jsir fuq art ODZ, u b’hekk jinħtieġ permess sħiħ għall-iżvilupp.

L-NGO żiedet tgħid li qatt ma rat daqshekk urġenza biex tinbena triq. Spjegat li, “Infrastructure Malta ppruvat tibda dawn ix-xogħlijiet darbtejn diġà, id-darbtejn li huma mingħajr ebda notifika u d-darbtejn fi ksur ta’ policies eżistenti. Il-Ministru Borg qassam fuljett ma’ Ħad-Dingli kollu biex ibigħ din it-triq, konxju mill-fatt li hemm oppożizzjoni qawwija għall-proġett. Nistgħu biss nistaqsu jekk hemmx aġendi moħbija wara dan il-proġett mhux tas-soltu u li mhuwiex meħtieġ.”

L-aħħar wegħda tal-Moviment Graffitti kienet li jibqa’ jiġġieled biex dawn ix-xogħlijiet ma jsirux.