Appell urġenti għal demm O Positive

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ħareġ appell urġenti għad-demm O Positive.
Fi stqarrijja, is-Servizz talab lil dawk kollha li għandhom id-demm O Positive, u li jinsabu f’saħħithom, sabiex jagħtu d-demm mill-aktar fis possibli hekk kif hemm nuqqas kbir.
Madanakollu, fuq nota pożittiva, is-Servizz stqarr li r-riserva minn gruppi oħra tad-demm, fiċ-ċirkostanzi preżenti hi biżżejjed.
Ftit tal-jiem ilu, is-servizz spjega li hemm bżonn ta’ ’l fuq minn 2000 donatur ġdid kull sena sabiex tintlaħaq id-domanda.
Is-Servizz qal li bosta huma dawk li jibżgħu jagħtu d-demm u għaldaqstant jinkoraġġixxu li wieħed għandu jiġi ma’ xi ħbieb sabiex ma jgħaddix minn din l-esperjenza waħdu.
Jinsisti li jekk kull sena jkun hemm 2000 donatur ġdid, ikun iktar faċli li jsir il-kumpens adekwat meta jkun hemm xi donaturi li jonqsu mil-lista, u finalment jinżamm bilanċ tajjeb.
Meta u fejn tista’ tagħti d-demm?

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, fi Gwardamanġa – kuljum mit-8am sas-6pm.
  • Fis-sala ta’ taħt il-knisja parrokjali tal-Fgura – nhar il-Ħadd bejn it-8:30pm u s-1pm.
  • Fid-dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex – nhar il-Ħadd mit-8am sas-1pm.

Jekk se tagħmel dan il-pass kuraġġjuż, għandek tieħu miegħek il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport Malti, kif ukoll tħeġġeġ lil xi ħadd ieħor sabiex jagħmel bħalek.