Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jagħmel appell urġenti għad-donazzjonijiet tad-demm sabiex ikunu jistgħu jilħqu mad-domanda tal-isptartijiet.
Huma spjegaw li rriserva tad-demm tinsab baxxa ħafna u dan jista’ jwassal biex jiġu kanċellati jew posposti xi operazzjonijiet li hemm skedati.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm żied li l-Erbgħa ressqu 20 persuna biex jagħtu d-demm filwaqt li lbieraħ marru 30 persuna u llum sal-10am marru biss erbgħa persuni biex jagħtu d-demm. Dawn id-donazzjonijiet ma jleħħqux mal-bżonn li jkollhom ta’ kuljum.
Kull min jinsab b’saħħtu u jixtieq jagħti d-demm jista’ jagħmel dan billi jżur iċ-Ċentru tal-għoti tad-demm fi Gwardamanġa li jiftaħ kuljum bejn it-8am u 6pm.
Kull min jixtieq li jagħti d-demm importanti li:
- jieħu miegħu l-karta tal-identità
- jibda ixrob l-ilma minn qabel ma jmur
- min ġie lura mis-safar f’dawn l-aħħar 4 ġimgħat u jixtieq jagħti d-demm, jew jixtieq jistaqsi xi mistoqsija relatata mal-għoti tad-demm hu mitlub iċempel 80074313.