APPELL: Tmurx ix-xogħol u tibgħatx lit-tfal l-iskola jekk bis-sintomi tal-influwenza

Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard qed iwissi lill-ħaddiema li jħossu s-sintomi tal-influwenza biex ma jmorrux ix-xogħol u anke lill-ġenituri biex ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola.
Fi stqarrija, id-Direttorat saħaq li Malta, bħal bqija tal-Ewropa qed tesperjenza żieda qawwija f’dawk morda bl-influwenza. Issemmi kif 16-il persuna minn kull 100 li qed imorru għand it-tabib qed ikollhom l-influwenza.
Kif tittieħed l-influwenza?
Jispjega kif l-influwenza tittieħed malajr anke minn taqtir żgħir ta’ bżieq meta wieħed jisgħol, jagħtas jew jitkellem.
Wieħed jista’ faċilment jittieħed jekk imiss affarijiet, bħal pum ta’ bieb, keyboard jew affarijiet oħra li jkunu ġew ikkontaminati mill-virus u wara jmiss ħalqu, għajnejh jew saħansitra mnieħru.
Fuq dawn l-affarijiet, il-virus jista’ jgħix sa 24 siegħa.
Is-sintomi ġeneralment jibdew jidhru wara erbat ijiem minn meta wieħed ikun espost għall-virus u jdumu madwar ħames jew sebat ijiem.
Min hu l-aktar vulnerabbli?
It-tfal, l-anzjani, persuni b’mard kroniku bħall-ażma, problemi tal-qalb, HIV jew dijabete huma aktar vulnerabbli għal dan il-virus.
X'tista' tagħmel biex ma timradx jew tevita li xxerred il-virus?
Id-Direttorat jelenka lista tal-affarijiet li wieħed jista’ jagħmel biex jevita li taqbdu l-influwenza:

  • Għadu mhux tard biex wieħed jitlaqqam hekk kif l-influwenza mistenni tippersisti. It-tilqima jista’ jeħodha kull min għandu aktar minn sitt xhur u tingħata b’xejn miċ-ċentri tas-saħħa. Importanti li jeħduha anke n-nisa tqal.
  • Tmurx ix-xogħol jekk tħoss is-sintomi.
  • Iżżurx qraba bl-isptarijiet
  • Sakemm mhux bżonn, evita li toqgħod viċin persuni morda.
  • Tibgħatx lit-tfal jekk taħseb li għandhom l-influwenza. Wara li jinżel id-deni, it-tfal għandhom jibqgħu ġewwa sa 24 siegħa wara.
  • Jekk għandek l-influwenza naqqas il-kuntatt tiegħek man-nies.
  • Aħsel idejk ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma fietel.
  • Għatti ħalqek u mnieħrek meta tagħtas jew tisgħol.
  • Evita li tmiss ħalqek u mnieħrek.
  • Naddaf pumijiet, keyboards, telefowns u oġġetti oħra li fuqhom faċilment jista’ jpoġġi l-virus.

Id-Direttorat javża lil dawk li jħossu s-sintomi, speċjalment l-anzjani u dawk b’mard kroniku biex imorru għand it-tabib.
Jispjega kif għall-influwenza, l-antibijotiċi ma jaħdmux għax hija kkawżata minn virus u jingħataw biss biex joqtlu baktirja li tikkawża infezzjonijiet.