APPELL: “Tlaqqam jekk se ssiefer”

Is-Sovrantendenza tas-Saħħa Pubblika tfakkar li t-tilqim kontra mard infettiv meta ssiefer huwa importanti, mhux biss biex tieħu ħsieb lilek innifsek, imma saħansitra biex tieħu ħsieb is-saħħa tal-poplu Malti kollu.

Id-dipartiment, fi stqarrija, fakkar li mard infettiv qed jifrex b’mod globali, u li ċertu postijiet għandhom mard iktar prevalenti. Għalhekk meta l-Malti jsiefer, ikollu kuntatt ma dan il-mard, u mhux talli jimrad hu, talli jġib lura l-marda f’Malta.

Id-dipartiment sostna li bħalissa hemm ħafna mard infettiv li jhedded is-saħħa tal-poplu, fosthom il-ħosba. L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa saħqet li n-numru ta’ każi tal-ħosba żdiedet fl-Ewropa, hekk kif 41,000 każ ġew irrapurtati fl-ewwel sitt xhur tal-2018. Hemm ukoll riskji ta’ kolera fl-Alġerija, u riski t’ebola  u tad-deni tas-suffejra fir-Republika Demokratika tal-Congo.

Is-Sovrantendenza tas-Saħħa Pubblika fakkar li dan il-mard huwa preventabbli bit-tilqim, billi iżżomm iġene tajba, tixrob ilma safi, tiekol ikel msajjar sew, tevita gdim mill-insetti u tippratika sess sikur.

Għal aktar informazzjoni tista ċċempel fuq 21324086.