Appell tal-Isqfijiet Kattoliċi lill-Gvern Iżraeljan

Il-Kapijiet tal-Knejjes Kattoliċi fl-Art Imqaddsa appellaw lill-Gvern Iżraeljan biex jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni li jkeċċi r-refuġjati Sudaniżi u Eritreani kollha, jew jitfagħhom il-ħabs.
Fi stqarrija li ħarġu flimkien sostnew li din id-deċiżjoni se tesponi lil ħafna nies fil-periklu u b’futur inċert quddiemhom.
Fl-ewwel ta’ din is-sena l-Awtorità tal-Popolazzjoni u l-Immigrazzjoni ta’ Iżrael ħarġet avviż b'żewġ għażliet lir-refuġjati jew dawk li qed ifittxu l-ażil li ġejjin mis-Sudan u mill-Eritre; jew jitilqu mill-pajjiż minn jeddhom jew jispiċċaw il-ħabs.
Biex tinċentiva t-tluq tagħhom, l-Awtorità qed toffri lil dawk li jagħżlu li jitilqu minn jeddhom is-somma ta’ 3,500 shekel (€850) u biljett tal-ajru għal fejn iridu.  Dawk li jibqgħu f’Iżrael wara xahrejn, jintefgħu l-ħabs.
L-avviż ippublikat mill-awtoritajiet jgħid li dawk ir-refuġjati Eritreani u Sudaniżi li qed jgħixu f’Iżrael li minn Frar 'il quddiem imorru biex iġeddu l-permess tar-residenza permanenti se jkunu jafu li għandhom xahrejn żmien biex jitilqu mill-pajjiż lura lejn pajjiżhom jew lejn wieħed minn żewġ pajjiżi Afrikani.
Dan ma japplikax għal nisa, tfal, ġenituri ta’ tfal dipendenti u vittmi ta’ xi forma ta’ skjavitù.
Filwaqt li japprezzaw il-bżonn li jkun ikkontrollat id-dħul ta’ refuġjati fil-pajjiż, l-Isqfijiet Kattoliċi qalu li “ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-pjaga ta’ tant refuġjati li qed jaħarbu minn dittaturi, gwerrer u kundizzjonijiet oħra li jkexkxu. Il-ġid tas-soċjetà ta’ Iżrael m'għandux jinkiseb à skapità ta’ tant persuni li se jitkeċċew u tant ħajjiet li se jkunu esposti għal periklu u futur inċert”.
Hawnhekk l-Isqfijiet jikkwotaw vers mill-Levitiku: "il-barrani li jgħix fostkom għandu jkun trattat daqslikieku twieled f’pajjiżkom. Ħobbuhom kif tħobbu lilkom infuskom għax intom kontu barranin fl-Eġittu. Jien il-Mulej, Alla tagħkom."
“Nittamaw”, qalu l-Isqfijiet, “li l-Amministrazzjoni tikkunsidra t-tħassib ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil f’Iżrael u tikkunsidra soluzzjonijiet aktar umani”.