APPELL: Sejħa urġenti għad-demm; “il-livell għadu kritiku”

Qed issir sejħa urġenti għad-donazzjonijiet tad-demm hekk kif ir-riserva tinsab f’livell kritiku.
Fi stqarrija s-Servizz Nazzjonali tat-Trażfużjoni tad-Demm qal li l-użu qawwi tad-demm li hemm fl-Isptarijiet  b’mod rikorrenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ donaturi li irrikorrew biex jagħtu d-demm f’din l-aħħar ġimgħa wassal biex ir-riserva tad-demm, kważi tal-gruppi kollha, niżlet għal livell kritiku.
Quddiem din is-sitwazzjoni xejn feliċi, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella b’mod urġenti għad-donazzjonijiet tad-demm illum.
Uffiċjal mis-Servizz Nazzjonali tat-Trażfużjoni tad-Demm qal ma’ Newsbook.com.mt li n-nies qed imorru, madanakollu hemm bżonn ta’ ħafna aktar.
Żied jgħid li sa 12pm fil-kamra tal-istennija kien hemm biss persuna waħda tistenna biex tidħol tagħti d-demm.
Sostna li l-Bank tad-Demm għandu bżonn mill-inqas 300 borża demm fit-tlett ijiem li ġejjin, dan hekk kif jiġu kkunsmati madwar 50 borża kuljuma filwaqt li r-riserva għandha bżonn 150 oħra biex minn kritika titla għal normali.
Għaldaqstant f'dan il-mument ta’ bżonn kbir, il-poplu Malti qed jiġi mitlub biex juri l-ġenerożità tiegħu.
Dan l-ewwelnett biex il-pazjenti li qed jistennew għad-demm jinqdew mill-ewwel, kif ukoll biex possibbilment il-pajjiż ikollu riserva tajba tad-demm minn qabel il-Festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Meta wieħed imur jagħti d-demm importanti jieħu miegħu il-karta tal-identità, u dawk li ġew lura mis-safar f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat huma mitluba biex iċemplu 80074313 u jiċċekkjaw l-eliġibilità tagħhom biex jagħtu d-demm.
Sadanittant hekk kif ir-riserva tad-demm mhix dik ideali, is-Servizz Nazzjonali tat-Trafużjoni tad-Demm għażel jniedi l-kampanja għoti tad-demm għal żmien il-Milied.
Il-kampanja, partikolarment għall-ewwel nofs ta’ Diċembru, għandha l-għan li tħajjar lil dak li jkun biex fil-lista ta’ rigali li jrid jieħu ħsieb għal dan il-Milied iniżżel ‘Għotja Demm’.  
Għotja unika li idejalment għandha ssir kemm jista’ jkun kmieni f’Diċembru, b’hekk ir-riserva tad-demm tkun tajba tul Diċembru speċjalment fil-jiem tal-festi.
Għaldaqstant dawk li jixtiequ jilqgħu din il-proposta għandhom jirrikorru biex jagħtu d-demm:
Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż il-Ħdud u l-festi pubbliċi) mit-8am sas-6pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-6pm).
Fil-mobile blood donation unit li għada mit-8.30am sas 1pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1pm) ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm quddiem l-Entratura ta’ Baċir Numbru Wieħed, Bormla.
Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar it-Tlieta ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5pm).
Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.