Appell mis-social workers: “Tużawx lit-tfal bħala ballun politiku”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali (MASW) qed tappella biex it-tfal ma jintużawx bħala ballun politiku.
 
Filwaqt li laqgħet b’mod pożittiv il-wegħda tal-Ministru għall-Familja Michael Falzon, li qabel is-sajf tgħaddi mill-Parlament il-verżjoni l-ġdida tal-liġi tal-protezzjoni tat-tfal, spjegat kif din il-liġi ilha mistennija għal dawn l-aħħar 30 sena.
 
Care orders f’idejn il-Qorti u mhux mill-Ministeru
 
Fost l-oħrajn, bil-liġi l-ġdida, il-ħruġ tal-Ordnijiet għall-Ħarsien (care order) se tkun taħt il-Qorti, bl-għajnuna tal-esperti, minflok taħt il-Ministeru.
 
L-MASW insistiet li sakemm tiġi implimentata din il-liġi u jiġu mwaqqfa l-istrutturi neċessarji, il-protezzjoni tat-tfal m’għandhiex tintuża għal skopijiet politiċi.
 
Dan kien wieħed mill-punti li qajmet l-Assoċjazzjoni anke b’reazzjoni għar-rapport fuq il-midja tal-istazzjon nazzjonali,  fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti ġie kkwotat jgħid li kien sorpriż li fis-snin ta’ qabel l-elezzjoni kien ikun hemm tnaqqis kbir fil-ħruġ ta’ care orders.
 
Appell ieħor lill-Gvern: “Bżonn ħatriet ibbażati fuq kompetenza u esperjenza”
 
Barra minn hekk, fakkret li fil-proċess tal-ħruġ tal-Ordnijiet għall-Ħarsien, għandu jingħata prijorità l-prinċipju li l-aħjar post għat-trobbija tat-tfal hija fil-familja tagħhom. Sostniet li fl-istess ħin ikunu qed jibbilanċjaw dan il-prinċipju mar-riskji li t-tfal ikunu qed jaffaċċjaw.
 
Punt ieħor li saħqet dwaru l-Assoċjazzjoni hu li d-deċiżjoni tal-ħruġ ta’ care order fejn hemm bżonnha tittieħed u titwettaq f’ħinha u b’kollaborazzjoni, biex titnaqqas it-tbatija tat-tfal.
 
Reġgħet appellat lill-Gvern, biex il-ħatriet li joħorġu minn din il-liġi u minn liġijiet oħra b’rabta mas-servizzi soċjali, ikunu fuq bażi ta’ kompetenza u esperjenza professjonali fil-qasam soċjali.