Appell minn omm: Attenti min ibus lit-trabi

Wara li bintha mardet bil-marda tal-herpes minn membru tal-familja, omm it-tarbija appellat biex il-ġenituri joqgħodu attenti lil min iħallu jbus lit-trabi tagħhom.

Katie Taylor ta’ 34 sena minn Sunderland, fir-Renju Unit, qalet li bintha tat-twelid spiċċat ma setgħetx tiekol jew tixrob wara li mardet bil-herpes meta ingħatat bewsa minn xi ħadd tal-familja li kellu l-istess marda.

Lily għalqet sena ftit żmien ilu.

L-omm qalet li nnuttat xi tbajja ħomor fuq geddum Lily meta kellha madwar 10 xhur, ftit wara li rritornaw id-dar wara vaganza tal-familja kollha. Katie ħadet lil Lily għand tabib, li qalilha biex iżżomm għajnejha fuqha. Madanakollu hekk kif waslet id-dar innutat li t-tbajja’ żdiedu u kibru drastikament.

Wara tlett ijiem ħalq Lily kien imdawwar b’ħafna tbajja’ u tant kienet ma tiflaħx li l-ġenituri tagħha kellhom jieħduha l-isptar, fejn ġiet ċertifikata li kellha l-marda tal-herpes. Wara madwar erba’ ġimgħat Lily fieqet, u ftit żmien ilu għalqet sena.

Katie, li għandha żewġt itfal oħra ta’ tmien snin u 14-il sena, qalet li għalkemm mhix ċerta mija fil-mija kif bintha mardet, hija tissuspetta li wisq probabli ħadet il-marda minn xi ħadd tal-familja minn vaganza, u għalhekk appellat biex il-ġenituri joqgħodu attenti dwar min ibus it-tfal.